Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Soċjetà mingħajr media ħielsa hi demokrazija falza – Zammit Dimech

“Is-soċjetajiet għandhom jiddefendu lill-ġurnalisti u jassiguraw media ħielsa jekk iridu jkunu onesti magħhom infushom. Jekk ikollok soċjetà li ma tħallix lill-media taħdem fil-libertà, kull ma jkollok hu demokrazija falza.” L-MEP Francis Zammit Dimech għadda dawn ir-rimarki waqt sessjoni plenarja fi Brussell.
Aktar kmieni llum, il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza kbira riżoluzzjoni dwar il-pluraliżmu u l-libertà tal-media fl-Unjoni Ewropea, li tagħti ħarsa lejn tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media f’Malta. Zammit Dimech qal li kien simboliku l-fatt li dan il-vot ittieħed waqt li d-dinja qed tiċċelebra l-Jum Internazzjonali għal-Libertà tal-Media, u li qed iwassal messaġġ ċar lill-istati membri kollha.

“Illum qed infakkru lill-ġurnalisti kollha li, bħal Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, sfaw eliminati għaliex ma beżgħux ifittxu l-verità, u kienu determinati li jinvestigaw dak li ħaddieħor ried li jaħbi mis-soċjetà”, qal Zammit Dimech. Hu insista li l-attakki fuq il-ġurnalisti mhumiex biss attakki fuqhom, iżda attakki fuq is-soċjetà b’mod ġenerali, u attakk fuq id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej li meta ġurnalisti jkunu eliminati, iċ-ċittadini jkunu mċaħdda minn informazzjoni li tkun ta’ interess għalihom.

Zammit Dimech żied jgħid li “Meta ġurnalisti bħal dawk li qed ikomplu fuq il-ħidma investigattiva ta’ Daphne Caruana Galizia permezz tad-Daphne Project, jikxfu l-ħażin u l-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-Gvern, aktar nirrealizzaw kemm għandna bżonn li l-media tkun ħielsa. F’dawn il-każijiet, naprezzaw aktar r-rwol importanti li għandhom ġurnalisti biex jiskrutinizzaw l-amministrazzjoni pubblika, speċjalment fi stati membri bħal Malta, fejn l-istituzzjonijiet qed ifallu biex jiproteġu liċ-ċittadini.” Hawnhekk hu rrefera b’mod partikolari għal dak li ġie żvelat fejn iċ-ċittadini Maltin qed iħallsu €40 miljun żejda kull sena għall-gass, minħabba ftehim innegozjat mill-Prim Ministru Muscat, miċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi għan-nom tal-Gvern Malti, mal-kumpanija SOCAR immexxija mill-Gvern tal-Ażerbajġan. Zammit Dimech qal li hi tal-mistħija li meta jkunu ffaċċjat minn skrutinju tal-ġurnalisti, stati membri bħal Malta għamlu attentati biex jiskreditaw lill-ġurnalisti, xi ħaġa li ma tirriflettix il-valuri Ewropej.

Fl-aħħar ġimgħat, l-MEP Zammit Dimech kien ir-rapporteur f’isem il-Grupp tal-PPE għar-rapport dwar Media Ħielsa fil-Kumitat responsabbli mill-media. L-MEP Zammit Dimech ppreżenta wkoll emendi għal rapport fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali, li jitrattaw il-projbizzjoni ta’ proċeduri tal-iSLAPP fl-Unjoni Ewropea, liema emenda ġiet approvata u ddaħlet fir-rapport finali. Il-Gvern Malti vvota kontra emenda bħal din kontra l-użu tal-proċeduri tal-iSLAPP, mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Malti.