Tal-anqas 11-il persuna nqatlu wara li grupp ta’ rġiel armati daħlu fil-bini tal-Kummissjoni Elettorali fi Tripli, il-kapitali Libjana. Attakk li fih kien hemm xi wħud li anki splodew lilhom infushom u l-bini ħa n-nar. Il-bini jinsab fiz-zona ta’ Ghout al-Shaal ta’ Tripli. Fil-post imbagħad waslu l-forzi tas-siġurtà. Kien hemm ħafna sparar malli dawn iippruvaw jiksbu l-kontroll tal-bini. Xi wħud mill-impjegati irnexxielhom jaħarbu mill-bini.
Mhux magħruf min kien wara l-attakk, imma kien ċar li l-iskop tiegħu kien li jiżvija l-isforzi li qed isiru biex din is-sena ssir elezzjoni ġenerali fil-Libja. Dan bħala parti mill-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti biex ikun hemm il-paċi u l-istabbiltà fil-Libja wara snin ta’ ġlied.
Reċentament il-Kummissjoni rreġistrat mal-miljun persuna ġdida biex ikunu jistgħu jiv-vutaw. Dan f’vot li d-data tiegħu għadha ma tħabbritx. L-attakk tal-Erbgħa kien ukoll l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta fi Tripli għal ħafna snin. Reċentament, il-kapitali Libjana kienet pjuttost kwieta, bil-vjolenza limitata għal ġlied bejn gruppi lokali ta’ militanti. Diversi osservaturi, kemm Libjani kif ukoll barranin, esprimew xi xettiċiżmu kif tista’ tiġi organizzata elezzjoni fil-Libja meta hemm żewġ gvernijiet avversarji u ebda forza nazzjonali tas-sigurtà u b’ħafna nies armati sa snienhom jiġru mas-saqajn.
Straġi fil-bini tal-Kummissjoni Elettorali fi Tripli


