Lokali

Twissija serja mill-OECD lill-Gvern ta’ Muscat; riskju li pajjiżna jispiċċa fil-blacklist

Ittra diretta lill-Ministru tal-Finanzi

F’ittra li uffiċjal għoli tal-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD) bagħat lill-Ministru Edward Scicluna ftit tal-ġimgħat ilu, intwera tħassib serju li din l-organizzazzjoni ddaħħal lil Malta fil-blacklist tagħha ta’ pajjiżi li għandhom skemi dubjużi għar-residenza/ċittadinanza b’investiment.

L-ittra nkitbet minn Pascal Saint-Amans, id-direttur tas-Centre for Tax Policy and Administration tal-OECD u tibda biex tagħmel referenza għal laqgħa li l-istess uffiċjal tal-OECD kellu mal-Ministru Scicluna s-sena li għaddiet.

F’dik il-laqgħa Saint-Amans kien qajjem mal-Ministru Scicluna t-tħassib tagħhom għall-iskema ta’ Malta dwar ir-residenza ta’ barranin, skema li kien daħħal il-Gvern Laburista fl-2015.

L-OECD bħalissa qed tagħmel kampanja qawwija kontra skemi bħal dawn – inkluż dawk ta’ bejgħ ta’ passaporti kif imħaddma minn Malta – u dan it-tħassib kien konfermat fi stqarrija ta’ ftit jiem ilu meta l-OECD irreferiet għal dak li qed joħroġ mid-Daphne Project.

Fl-ittra lill-Ministru Scicluna l-OECD infurmatu li qed taħdem biex tħejji lista ta’ skemi li jippreżentaw riskju kbir li jintużaw ħażin billi jirnexxilhom jaħbu ġidhom lill-awtoritajiet kompetenti fejn suppost għandha titħallas it-taxxa dovuta. Saint-Amans qallu: “…we are concerned that the Maltese Residence by Investment scheme is likely to be included in such a list.”

Fi tmiem l-ittra, l-uffiċjal tal-OECD offra l-għajnuna biex iż-żewġ naħat jiltaqgħu bil-possibbiltà li fl-iskema ta’ Malta jiddaħħlu miżuri ħalli jtaffu r-riskji u b’hekk l-iskema ma tibqax tintuża għal għanijiet ħżiena.

Mhux magħruf jekk Scicluna aċċettax din l-offerta u x’kien l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat jekk fil-fatt saru.