Għawdex Kultura Lokali

Anton Refalo jitpoġġa’ fit-tmexxija ta’ Heritage Malta

Refalo kien l-aktar popolari f'Għawdex iżda baqa' bla Ministeru

Id-deputat laburista Anton Refalo nħatar bħala Chairperson ta’ Heritage Malta wara li Joseph Buttigieg inħatar Chairperson tal-Kumitat tal-Garanzija.

Ħafna qed iqisu din il-mossa bħala tpattija għall-fatt li kien tħalla barra mill-Kabinett ta’ Muscat minkejja li hu l-aktar politiku laburista popolari f’Għawdex. Fl-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet, Refalo kien kiseb 4,853 vot li tawh l-ewwel preferenza, filwaqt li kien hemm 3,189 persuna li taw l-ewwel preferenza tagħhom lil Justyne Caruna.

Anton Refalo huwa wieħed mill-aktar membri parlamentari veterani fejn flimkien mad-deputat Laburista l-ieħor Joe Mizzi ilu jservi fil-Parlament sa mill-1987.

Wara li Justyne Caruana kienet inħatret Ministru għal Għawdex kienet tnediet ukoll petizzjoni online li tgħid illi Anton Refalo hu l-aktar wieħed li ġab voti minn Għawdex, u li huwa tal-mistħija li tħalla barra mill-Kabinett. L-istess petizzjoni kienet qed tħeġġeġ lin-nies biex “jiġġieldu għall-Ministru tal-Għawdxin”.