“Għaddejt minn xokk terribbli u għamilt ġranet sħaħ ma noħroġx mid-dar.” Stqarr dan, Mario Scicluna mill-Fgura meta xehed fil-kumpilazzjoni fil-każ kontra tliet irġiel li allegatament poġġew splussiv taħt il-karozza tiegħu fl-4 ta’ Jannar li għadda.
Lorenzo Callus magħruf bħala “il-ħeswes”, Paul Farrugia magħruf bħala “l-kwattru” u Jonathan Farrugia magħruf bħala “Ġanni ta’ Nina” tressqu akkużati bl-attentat ta’ qtil ta’ Scicluna u s-sieħba tiegħu Elaine Galdes billi poġġew bomba taħt il-vettura tat-tip Mitsubishi Pajero li kienet ipparkjata quddiem ir-residenza tagħhom fil-Fgura.
Waqt il-kumpilazzjoni, il-Prosekuzzjoni kienet żvelat li l-attentat falla wara li twissija ta’ batterija baxxa tat-telefon ċellulari li kien imqabbad mal-bomba wasslet biex l-apparat ma ħadimx.
Fix-xhieda tiegħu, Scicluna qal li dakinhar kien irċieva telefonata mis-sieħba tiegħu fejn qaltlu li aktarx sar attentat fuqhom permezz ta’ bomba. Hu qal li ċempel lil mekkaniku ta’ fiduċja tiegħu biex imur jittawwal taħt il-vettura tiegħu. Dan qallu li taħt il-Pajero kien hemm xi apparat mal-art li ma kellu x’jaqsam xejn mal-vettura.
Mario Scicluna qal li hu jaf lis-suspettat Paul Farrugia min-negozju tal-kostruzzjoni u jaf ukoll lis-suspettat l-ieħor Jonathan Farrugia li għandu dgħajsa marbuta qrib id-dgħajsa tiegħu.
Kompla li Jonathan Farrugia kien saq xi darbtejn quddiem id-dar tiegħu fil-jiem qabel l-attentat fejn saħansitra sellimlu filwaqt li xi ġimgħatejn wara, Paul Farrugia kien kellmu u esprima solidarjeta’ għal dak li ġralu.
Xehdet ukoll Elaine Galdes fejn qalet li dakinhar kienet id-dar meta semgħet bħal faqqatura qawwija. Meta ittawwlet barra, rat bħal ġemgħa żgħira ta’ nies li qalulha li kien hemm xi apparat mal-art. Hi qalet ukoll li l-aħħar darba li saqet il-vettura kien fl-Ewwel tas-Sena. Galdes xehdet ukoll li ma taf l-ebda wieħed mit-tliet akkużati.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit bl-Ispettur Keith Arnaud imexxi l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi qed jidhru għal Jonathan Farrugia u Lorenzo Callus filwaqt li l-Avukat Roberto Montalto qed jidher għal Paul Farrugia.
//= $special ?>