Lokali

Fi tmiem din il-ġimgħa ser tiġi organizzata il-Medieval Imdina

Fi tmiem il-ġimgħa li ġej fl-Imdina se jkun qed isir l-għaxar edizzjoni ta’ Medieval Imdina attrazzjoni partikolari li toffri esperjenza partikolari tal-istorja bl-ammont ta’ attrazzjonjiet li jkun hemm.

F’dawn il-jumejn l-Imdina terġa tilbes il-libsa medjevali b’numru ta’ gruppi jerġgħu jagħtu l-ħajja liż-żminijiet medjevali ta’ pajjiżna. B’kollox se jkun hemm tmien gruppi li se jkunu qed jagħtu eżebizzjonijiet taż-żmien medjevali, b’kostumi, drawwiet ġlied u anke tradizzjonijiet ta’ din l-epoka.

Is-Sindku tal-Imdina, Peter Sant Manduca tenna li f’dawn l-aħħar għaxar snin Medieval Imdina kibret u llum sar appuntament annwali li ħafna jkunu qed jistennewh. Semma kif grazzi għal din l-attività numru ta’ Maltin anke speċjalizzaw fi ġlied bi xwabel bis-servizz tagħhom ikun mitlub anke f’esebizzjonijiet barra minn xtutna. Minbarra l-Maltin se jkun hawn ukoll gruppi ta’ Sbandieratori minn San Marino u anke grupp mużikali minn Sqallija.

F’dan tmiem il-ġimgħa wkoll Heritage Malta se tkun qed testendi l-ħinijiet tal-ftuħ u anke se toffri tnaqqis fil-prezzijiet għall-Mużew tal-Istorja Naturali u anke tad-Domus Rumana.