It-tliet MEPs tal-PN jappoġġjaw lill-KNŻ fl-impenn tiegħu favur budget ikbar għaż-żgħażagħ Ewropej
It-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech iddikjaraw li jappoġġjaw bis-sħiħ l-impenn tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-KNŻ, li flimkien ma’ vuċijiet oħra minn madwar l-Ewropa qed jaħdmu fuq inizjattiva biex l-Unjoni Ewropea talloka 10 darbiet iktar għall-programm Erasmus+.
L-Erasmus+ huwa programm tal-Unjoni Ewropea li joffri liż-żgħażagħ Ewropej opportunitajiet ta’ taħriġ u tagħlim f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea.
F’filmat li xxandar fuq Facebook fi tmiem seduta mis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-MEP Francis Zammit Dimech qal li fil-Parlament Ewropew ġie ppreżentat programm bil-miri ta’ kif għandhom jintefqu l-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu li jibda mis-sena 2021. Fost il-miri hemm dik li l-budget għall-programm Erasmus+ jirdoppja minn €15-il biljuni għal €30 biljun.
Dwar l-impenn tiegħu bħala membru fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Edukazzjoni, Zammit Dimech esprima sodisfazzjoni li diġa’ qed isir pass ‘il quddiem favur iż-żgħażagħ Ewropej meta qed jiġi propost li jiżdied il-budget għall-programm Erasmus+ biex b’hekk se jkunu jistgħu jibdew jipparteċipaw tliet darbiet aktar żgħażagħ.
“Dan huwa pass ‘il quddiem iżda fl-istess ħin ninsistu li dan il-budget ikompli jikber”, qal Francis Zammit Dimech fil-messaġġ tiegħu waqt li rrefera għall-ittra li rċieva mingħand il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ bi stedina biex jingħaqad fl-impenn favur inizjattiva biex il-budget għall-Erasmus+ jiżdied b’10 darbiet minn dak preżenti.
Waqt li tenna l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva, Zammit Dimech fakkar li l-programm Erasmus+ kien is-suġġett tal-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew. Hu qal li issa, il-Parlament Ewropew irid jara kif se joħloq inizjattivi li jolqtu liż-żgħażagħ Ewropej – fosthom aktar investiment fir-riċerka, fl-edukazzjoni, u f’sistemi diġitali.
//= $special ?>