Futbol Sport

FUTBOL SPANJOL: Ir-rivali Real u Barcelona jiltagħu f’konfront iddominat mill-kontroversja dwar il-‘Pasillo’

Lura fl-2008 Barcelona kienu taw dan l-applaws lil Real Madrid li kienu għadhom kemm ġew inkurunati champions ta' Spanja imma jidher li l-Ħadd li ġej Real mhux se jagħmlu l-istess.

Il-Ħadd Barcelona jilagħbu kontra Real Madrid u filwaqt li din il-logħba ftit se jkollha impatt fuq l-andament tal-kampjonat, li hu diġa’ mirbuħ mill-Katalani, l-attenzjoni hi aktar fuq jekk Real Madrid hux se jagħtu applaws lill-plejers ta’ Barcelona qabel ma tibda l-partita.

Il-famuż ‘Pasillo’ hu sinjal ta’ rispett lejn l-avversarju li jkun għadu kemm rebaħ titlu maġġuri u filwaqt li fil-passat Barcelona kienu taw dan l-applaws, Real Madrid diġa’ ħabbru li mhux se jagħmlu dan.

Ġimgħa ilu Barcelona ġew inkurunati champions għall-25 darba fl-istorja tagħhom filwaqt li Real Madrid, ftit jiem wara, ikkwalifikaw għall-finali taċ-Champions League meta fis-semifinali eliminaw lil Bayern Munich.

B’hekk, iż-żewġ timijiet se jkollhom il-morall għoli. Real Madrid se jippruvaw tal-anqas iċaħħdu lil Barcelona milli jtemmu l-kampjonat bla rebħa.

Għal tmiem il-kampjonat fadal erba’ partiti u l-Katalani għadhom ma tilfux logħba u jekk jibqgħu sejrin sal-aħħar bla telfa jsiru t-tmien tim fl-istorja tal-Ewropa li jkun rebaħ il-kampjonat bla telfa.

Staġun ilu Real Madrid kellhom staġun mill-aqwa fejn minbarra li rebħu l-kampjonat rebħu ċ-Champions League u tliet titli oħra biex waqqfu rekord tal-klabb b’ħames titli f’sena.

Madankollu din is-sena l-istorja kienet waħda differenti u kien biss fiċ-Champions League fejn dawn spikkaw u għat-tielet sena konsekuttiva, ikkwalifikaw għall-finali.

Fi Spanja ma tantx marru tajjeb u Barcelona mhux biss rebħu l-kampjonat imma ġimgħa qabel kienu anke rebħu t-Tazza tar-Re. Minkejja li l-partita mhux se jkollha effett fuq ir-rebbieħ finali tal-kampjonat żgur li Barcelona ma jridux jitilfu kontra r-rivali tagħhom li, fuq ordni tal-kowċ tagħhom Zidane, qed jirrifjutaw li jagħmlu ġest ta’ rispett billi jtuhom applaws.

Zidane spjega li talab lill-plejers tiegħu biex ma jonorawx lill-avversarji minħabba li f’Diċembru tas-sena li għaddiet, il-plejers Katalni ma taw l-ebda applaws lil Real Madrid wara li dawn kienu għadhom kemm ġew inkurunati champions tad-dinja.

Imma fl-2008 Barcelona kienu taw dan l-applaws lil Real Madrid li kienu għadhom kemm ġew inkurunati champions ta’ Spanja.

Ħafna plejers ta’ Barcelona qed jitolbu, biex jekk tal-anqas Real Madrid mhux se jtuhom l-ebda applaws, jagħmlu eċċezzjoni għall-midfielder Andres Iniesta, leġġenda tal-futbol li ġimgħa ilu ħabbar li se jtemm il-karriera glorjuża u twila ma’ Barcelona biex imur jilgħab fiċ-Ċina.

Iniesta hu wieħed mill-aktar plejers rispettati fil-futbol mondjali u jkun ġest sabiħ jekk il-plejers ta’ Real isellmu bl-aqwa mod lil dan il-ġenju tal-futbol.

Fatt kurjuż hu li filwaqt li Barcelona għadhom kemm rebħu żewġ titli jidher li l-atmosfera fi ħdan it-tim m’hijiex daqstant ewforika u ħafna qed isostnu li l-mod li bih Barcelona sfaw eliminati mill-kwarti tal-finali taċ-Champions League xorta waħda tappnilhom l-istaġun.

Barcelona kienu għelbu lil Roma 4-1 fl-ewwel leg fi Spanja imma bl-aktar mod inkredibbli tilfu t-tieni leg 3-0 fl-Olimpico.

Ħafna esperti tal-futbol qed jgħidu li l-‘veru’ ‘El Clasico’ ta’ din is-sena kellu jkun fil-finali taċ-Champions League u mhux dak tal-Ħadd.