Il-Gvern injora t-talbiet li sarulu u kompla bil-pjani tiegħu li blokka ta’ skola fir-Rabat Għawdex (ritratt), tinbidel f’mużew.
Fi stqarrija, il-Union tal-Għalliema f’Malta (MUT) esprimiet id-diżappunt li l-Gvern se jibdel din il-blokka li tinsab fi stat ħażin għal mużew, meta faċilment seta’ jsir xogħol ta’ ristrutturar biex tibda tintuża għat-tagħlim tal-Primarja.
L-enfasi tal-Gvern li jibdel l-użu ta’ din il-blokka hi ironika, tgħid l-istqarrija, meta wieħed iqis li l-Gvern stess irid jittrasferixxi l-iskola primarja tal-Rabat Għawdex minħabba kwistjoni ta’ spazju. L-iskola Primarja preżenti tinsab fi Triq Vajrinġa (ritratt hawn taħt).
L-MUT u l-edukaturi fl-aħħar ġimgħat għamlu diversi preżentazzjonijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex juru kif il-blokka fit-triq ewlenija tar-Rabat, biswit l-iskola Sekondarja, tista’ tintuża mill-edukaturi u l-istudenti.
“Madankollu l-Gvern jidher riżolut li jipproċedi bil-pjani li jirrelega l-Middle School għal binja iżgħar”, qalet l-MUT.
Fl-istqarrija tagħha l-MUT tiddikjara li kemm l-istudenti Għawdxin tal-primarja u tal-middle school, kif ukoll l-edukaturi jixirqilhom l-aħjar faċilitajiet edukattivi u mhux estensjoni ta’ binjiet eżistenti b’faċilitajiet limitati kif ukoll l-ispazji neċessarji biex ikunu jistgħu joffru esperjenza edukattiva adegwata lill-istudenti.
Mill-ġdid l-MUT appellat lill-Gvern biex jilqa’ t-talba tal-edukaturi biex jibni skola primarja ġdida f’Għawdex bil-faċilitajiet neċessarji.
//= $special ?>