Edukazzjoni Għawdex Lokali

Il-Gvern jinjora t-talbiet tal-għalliema Għawdxin u jkompli bil-pjan li jibdel binja ta’ skola f’mużew

Il-Gvern jinjora l-karba tal-Għalliema Għawdxin

Il-Gvern injora t-talbiet li sarulu u kompla bil-pjani tiegħu li blokka ta’ skola fir-Rabat Għawdex (ritratt), tinbidel f’mużew.

Fi stqarrija, il-Union tal-Għalliema f’Malta (MUT) esprimiet id-diżappunt li l-Gvern se jibdel din il-blokka li tinsab fi stat ħażin għal mużew, meta faċilment seta’ jsir xogħol ta’ ristrutturar biex tibda tintuża għat-tagħlim tal-Primarja.

L-enfasi tal-Gvern li jibdel l-użu ta’ din il-blokka hi ironika, tgħid l-istqarrija, meta wieħed iqis li l-Gvern stess irid jittrasferixxi l-iskola primarja tal-Rabat Għawdex minħabba kwistjoni ta’ spazju. L-iskola Primarja preżenti tinsab fi Triq Vajrinġa (ritratt hawn taħt).

L-MUT u l-edukaturi fl-aħħar ġimgħat għamlu diversi preżentazzjonijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex juru kif il-blokka fit-triq ewlenija tar-Rabat, biswit l-iskola Sekondarja, tista’ tintuża mill-edukaturi u l-istudenti.

“Madankollu l-Gvern jidher riżolut li jipproċedi bil-pjani li jirrelega l-Middle School għal binja iżgħar”, qalet l-MUT.

Fl-istqarrija tagħha l-MUT tiddikjara li kemm l-istudenti Għawdxin tal-primarja u tal-middle school, kif ukoll l-edukaturi jixirqilhom l-aħjar faċilitajiet edukattivi u mhux estensjoni ta’ binjiet eżistenti b’faċilitajiet limitati kif ukoll l-ispazji neċessarji biex ikunu jistgħu joffru esperjenza edukattiva adegwata lill-istudenti.

Mill-ġdid l-MUT appellat lill-Gvern biex jilqa’ t-talba tal-edukaturi biex jibni skola primarja ġdida f’Għawdex bil-faċilitajiet neċessarji.