Kumitat ibbażat fl-Istati Uniti, u li l-għan tiegħu hu li jippromwovi l-protezzjoni tal-ġurnalisti, appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iwaqqa’ l-libelli fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Il-Committee to Protect Journalists ta’ New York hu organizzazzjoni mhux governattiva u li ma tagħmilx profitt li fi ħdanu hemm mal-40 espert fuq il-promozzjoni tal-midja ħielsa madwar id-dinja.
Il-Prim Ministru kien fittex lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara li din ippubblikat storja fejn tisħaq li l-mara tiegħu, Michelle Muscat, hi l-beneficial owner tal-kumpanija offshore, Egrant.
L-istorja kienet tgħid ukoll li f’Egrant għaddiet somma ta’ €1 miljun minn kumpanija bbażata f’Dubaj u li hi ta’ Leyla Aliyeva, bint il-mexxej tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.
Skont il-Kumitat, il-libell tal-Prim Ministru għandu biss l-iskop li jkompli jpoġġi pressjoni finanzjarja fuq il-familja Caruana Galizia u jwaqqa’ l-wegħda tal-Prim Ministru li jressaq għall-ġustizzja lil min ordna l-qtil tagħha.
F’ittra mibgħuta lill-Ambaxxatriċi Amerikana f’Malta Kathleen Hill, il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti jappella wkoll lill-Gvern Laburista biex jitlob lil membri oħra tal-Gvern biex iwaqqgħu l-libelli tagħom fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif il-familja wirtet 37 libell.
Fl-ittra kienu kkupjati wkoll ir-Rappreżentanta Permanenti għal Malta Marlene Borg kif ukoll il-Kap tar-Raprpeżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Elena Grech.
Id-Direttur Eżekuttiv Joel Simon saħansitra kkritika lill-Prim Ministru li qal li qed jhedded bil-pulit lill-konsorzju ta’ ġurnalisti bl-isem ta’ Daphne Project, li akkużahom li qed jigdbu biex iħammġu isem Malta.
“Reazzjoni bħal din fil-konfront ta’ investigazzjoni ġurnalistika internazzjonali ma tagħmilx ġieħ lil mexxej Ewropew li jgħid li qed jaħdem għall-ġustizzja fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia, kif inhu wkoll l-għan ta’ Daphne project,” iddikjara Joel Simon.
//= $special ?>