Atletika Lokali Sport

Il-Maltin li għelbu l-isfida tad-deżert Sahara

L-erba’ atleti Maltin huma kburin b’dak li rnexxielhom jiksbu u għad-daqqa t’id li taw liż-żagħżugħ Jake Vella

Kienet esperjenza indimentikabbli għal erba’ atleti Maltin li kkompetew fil-Marathon des Sables ta’ din is-sena; tellieqa iebsa ta’ 250 kilometru fid-deżert Sahara.

Daniel Agius, Steve Chetcuti, Ben Mifsud u Jack Schiavone ħadu sehem f’tellieqa internazzjonali, ta’ sitt stadji u f’jiem suċċessivi biex jiġbru fondi għat-triathlete żagħżugħ, Jake Vella. L-atleti lokali kellhom l-appoġġ u kienu appoġati mill-kumpanija ewlenija tal-assigurazzjoni, GasanMamo li assoċċat ruħha ma’ din l-inizjattiva biex tgħin lil Jake, li jbati minn kundizzjoni rara msejħa ROHHAD (Rapid-onset Obesity with Hypothalamic dysfunction, Hypoventilation and Autonomic Dysregulation).

L-erba’ atleti marru tajjeb f’din il-maratona, Steve jġib l-aħjar riżultat u laħaq l-għan tiegħu li jispiċċa fost l-ewwel 100 parteċipant fil-Marokk. Huwa rnexxielu jikseb il-75 post inġenerali u l-25 post fost dawk tal-età rispettiva tiegħu u b’hekk kiseb riżultat eċċellenti.

“Din kienet l-ewwel darba li ħadt sehem f’avveniment bħal dan, allura bdejt insaqsi lili nnifsi jekk kontx ippreparat biżżejjed. Għandi biżżejjed ikel u mistoqsijiet bħal dawn? Ma tridx tissottovaluta l-kundizzjonijiet fid-deżert u din il-maratona ma tagħtikx ċans tirkupra jekk inti taqa’ lura. Kienet iebsa ħafna mhux biss fl-aspett tal-ġiri. Kellna naddattaw ruħna għal kundizzjonijiet ta’ sħana u nixfa, meta aħna mdorrijin għal klima umda u sħuna “, qal Steve.

Il-mument l-iktar iebes għal Steve kien l-aħħar 15km. Huwa jiftakar li dan l-istadju twil kien fid-dlam u kellu juża’ head torch. “Fl-aħħar 6 kilometri bdejt nara l-linja tat-tmiem, iżda kien diffiċli ħafna li nkejjel id-distanza li kien għad baqali niġri. Ħassejtni qisu mhu se nispiċċa qatt u kelli nagħmel sforz kbir biex inżomm il-post u l-pożizzjoni tiegħi. Xegħelt l-MP3 player bil-kanzunetti favoriti tiegħi, u rnexxieli nżomm il-pass sal-aħħar flimkien ma’ parteċipant ieħor Awstrijak. Bla dubju dan kien mument emozzjonali.”

Ben Mifsud, li beda jiġri fl-2013 bl-intenzjoni unika li jitlef 40kg fil-piż u jiġri n-nofs marathona, jiddeskrivi din il-maratona bħala “sfida lil hinn mill-immaġinazzjoni tiegħi, li twasslek sal-aħħar tal-limiti fiżiċi u mentali biex tirbaħ fuqhom.” Għal Ben din it-tiġrija tatu l-opportunità li jkun f’kuntatt man-natura vera, ‘il bogħod mir-rutina mgħaġġla ta’ kuljum, u jmur lura għall-affarijiet bażiċi, f’modalita’ ta’ sopravivenza għal ġimgħa.

“Jien nirrikomanda l-Marathon des Sables lill-parteċipanti oħra, pero’ ma rridtx nerġa’ nagħmilha jien. Għar-raġuni li issa nipreferi jkolli esperjenza oħra f’ambjent differenti bħal ġungla, muntanja jew silġ. Hawn ħafna sfidi madwar id-dinja u xi ħaġa tgħidli li mhux se nieqaf infittixhom,” qal biċ-ċajt Ben.

Min-naħa l-oħra, Daniel Agius, li ilu jipparteċipa b’mod fit-tiġrijiet ta’ distanzi twal u triathlons għal dawn l-aħħar seba’ snin, qal li hu “ċert” jerġa’ jieħu sehem f’din il-maratona u ddeskriviha bħala esperjenza tal-ġenn u “daqsxejn iktar ħarxa minn kif kien ħaseb, iżda fuq kollox kienet tellieqa kbira.” Għal Daniel, l-aktar diffiċli kien l-istadju ta’ 86.2km, din l-esperjenza kienet maġika u unika u d-Deżert tas-Saħara hu post mill-isbaħ u ltaqa’ ma’ nies dħulin ħafna li kkompetew f’waħda mill-maratoni l-aktar ħorox fid-dinja. ”

Qabel din il-maratona, Jack Schiavone għamilha ċara li hu kien se jagħmel l-massimu tiegħu biex jaqsam il-linja tat-tmiem biex jiġbor fondi kemm jista’ jkun għal Jake. Din il-missjoni wettaqha u Jack jiddeskrivi din l-esperjenza bħala “iebsa ħafna, fiżikament u mentalment iżda ta’ sodisfazzjon kbir”. Għalissa se jistrieħ u jekk fil-futur jkollu jerġa’ jieħu sehem fil-Marathon des Sables jaħsibha.

Bla dubju din l-esperjenza ħalliet mumenti sbieħ ħafna u tad-daħk ukoll. “l-aktar moment komiku kien meta pinġejna dawra ħamra fuq moħħ Jack meta hu raqad u aħna ma stajniex norqdu. L-għada sejjaħnielu Gandhi l-ġurnata kollha. Induna biha meta parteċipant ieħor staqsieh għalfejn kellu dawra ħamra fuq moħħu. Tgħidx kemm dħaqna,” qal Steve.

Ben jiftakar kull minuta li qatta’ ma’ Daniel, Steve u Jack fil-kamp wara kull parti tat-tellieqa. “Għalkemm konna nkunu eżawsti u forsi muġugħwa, xorta konna niċċajtaw kontinwament bejnietna u ninku lil xulxin.” qal Ben.

L-erba’ atleti Maltin huma kburin b’dak li rnexxielhom jiksbu u għad-daqqa t’id li taw liż-żagħżugħ Jake Vella. Kellhom kliem ta’ tifħir għall-appoġġ li rċevew mingħand kumpaniji Maltin, l-aktar għal GasanMamo Insurance.

“L-impjegati ta’ GasanMamo kellhom l-opportunita’ jiltaqgħu ma’ Jake u l-erba’ atleti Maltin qabel ma dawn telqu lejn il-Marokk. Kulħadd kien mistagħġeb bid-determinazzjoni li kellhom biex jispiċċaw il-maratona u biex lil Jake. Aħna onorati bl-appoġġ li tajna lil din l-inizjattiva u ser inkomplu ngħinu lil Jake u lil dawn l-atleti kuraġġużi fl-impenn tagħhom li jiġbru aktar fondi u għarfien dwar il-kundizzjoni rara tal-ROHHAD. Jiena naħseb li s-soċjeta’ Maltija għanda tkun kburija b’dawn in-nies,”qal Julian Mamo, Direttur Maniġerjali ta’ GasanMamo.