Lokali

Jieqaf it-twaqqiegħ tal-eks lukanda Jerma wara li s-sidien jirbħu l-appell

L-eks lukanda Jerma f’Marsaskala se tibqa’ kif inhi u mhux se titwaqqa’. Dan wara li s-sidien tas-sit rebħu l-appell fit-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ippjanar. F’Awwissu tal-2016, l-Awtorita’ tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar sabiex titranġa l-“ġerħa” li saret perikoluża wara snin ta’ telqa u ilmenti mill-Kunsill Lokali u mir-residenti.

Iżda l-Ħamis li għadda, it-Tribunal waqqa’ dan l-avviż ta’ infurzar. Li jfisser li s-sit se jibqa’ kif inhu sakemm xi darba jiġi żviluppat.

Kien hemm diversi tentattivi biex iz-zona tiġi żviluppata mill-ġdid. L-ewwel applikazzjoni kienet fl-2008, ftit wara li kienet għalqet il-lukanda, iżda l-pjani waqgħu minħabba diffikultajiet finanzjarji.

Applikazzjoni oħra ta’ tliet torrijiet, l-ogħla wieħed ikun ta’ 44 sular, ma kienitx ikkunsidrata minħabba l-għoli tal-bini propost u r-reklamazzjoni tal-art mill-baħar.

Fl-2016 twaqqaf il-bejgħ tal-post b’subbasta wara li l-bank HSBC, li kien oriġinarjament talab dan il-bejgħ, talab lill-Qorti biex twaqqaf l-istess bejgħ sabiex jevalwa s-sitwazzjoni mill-ġdid.

Skont valutazzjoni ta’ espert imqabbad mill-Qorti, is-sit tal-lukanda u l-art madwarha jiswew madwar €20.8 miljun.

L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ser tappella minn din id-deċiżjoni.