Internazzjonali

Jinstabu fdalijiet ta’ bastimenti antiki waqt tfittxija għal ajruplan

Riċerkaturi konfermaw li nstabu bastimenti minn żmien id-seklu dsatax waqt li kienet għaddejja t-tfittxija għall-ajruplan tal-passiġġieri tal-Malaysia Airlines li għab erba’ snin ilu – b’239 persuna abbord – waqt titjira minn Kuala Lumpur lejn Beijing, fiċ-Ċina.

Il-fdalijiet instabu xi 2,300 kilometru ‘il hinn mill-Punent tal-Awstralja u r-riċerkaturi jemmnu li l-bastimenti, tar-Renju Unit, kienu jintużaw għat-trasport tal-faħam. Bastiment mgħarraq partikulari jista’ ikun ‘wieħed minn tlieta’ li ssemmew bħala ‘West Ridge’ ( li kien intilef fl-1883); ‘Kooringa’ (1894) u Lake Ontario (1897). Il-fdalijiet instabu f’qigħ il-baħar ġo fond ta’ erba’ kilometri.

L-esperti jemmnu li l-bastimenti antiki x’aktarx li kellhom ekwipaġġ ta’ bejn 15 u 30 baħri u mhux eskluż li dawn kienu għerqu ‘b’kaġun ta’ xi splużjoni abbord’.

Sar magħruf li l-fdalijiet tal-bastimenti nstabu waqt tfittxija għall-ajruplan imsemmi fl-Oċean Indjan li saret fl-2015. Intant, ir-riċerkaturi marittimi Awstraljani użaw ir-ritratti ‘sonar’ u rekords tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti fl-isforzi biex jidentifikaw il-fdalijiet inkwistjoni. Għalissa , l-esperti mhumiex ċerti dwar l-identità tal-bastimenti minħabba li ċerti rekords storiċi ma kenux kompluti.

Il-lokalità tal-ajruplan Malasjan – li ma konkluda qatt it-Titjira 370 fit-8 ta’ Marzu tal-2014 – għadha mhix magħrufa sallum. It-tfittxija uffiċjali għal dan l-ajruplan mill-Awstralja, il-Malasja u ċ-Ċina kienet intemmet f’Jannar tal-2016 u wara 1,046 jum ta’ ħidma —  bil-fdalijiet tal-bastimenti inkwistjoni jinstabu proprju waqt din it-tfittxija.

Intant, kumpannija Amerikana privata, din is-sena, bdiet tfittxija oħra għall-ajruplan Malasjan, li għad mhemm l-ebda ħjiel tiegħu u meta ż-żmien stabbilit (għat-tfittxija) qed joqrob lejn l-aħħar.