Il-Partit Konservattiv fil-Gvern u l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni t-tnejn ippreżentaw stampa pożittiva wara l-elezzjonijiet lokali fl-Ingilterra li qed jitqiesu bħala l-ewwel barometru sinifikanti tal-opinjoni politika minn wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra.
Dan minkejja li t-Tories tal-Prim Ministru, Theresa May u l-Laburisti ta’ Jeremy Corbyn, naqsu milli jagħmlu xi gwadann sinifikanti fl-elezzjonijiet għal aktar minn 4,300 siġġu f’150 kunsill lokali.
Għalissa ħarġu r-riżultati tal-elezzjonijiet minn aktar minn 100 kunsill, u meta għadu għaddej l-għadd tal-voti għall-kunsilli li kien fadal.
Sadanittant, il-Konservattivi ta’ May qed jifirħu bir-rebħ tal-voti wara kollass assolut tal-Partit UKIP ewroxettiku li mar ħażin ħafna fl-elezzjonijiet. Theresa May faħħret lill-kunsillieri tat-Tories wara suċċessi fl-elezzjonijiet għall-kunsilli ta’ Barnet, Basildon u Peterborough – iżda hu minnu wkoll li l-Konservattivi tilfu l-kunsill ta’ Trafford ( lejn it-Tramuntana) li kienu ilhom jikkontrollaw għal 14 il-sena.
Il-Laburisti (minbarra Trafford) rebħu l-kunsill ta’ Plymouth mingħand il-Konservattivi waqt li rebħu wkoll it-tellieqa għall-kunsill ta’ Kirklees. Madankollu huma sofrew disfatti fl-elezzjonijiet għall-kunsilli ta’ Nuneaton and Bedworth u Derby.
Il-Partit Liberali Demokratiku, sadanittant, kellu suċċess notevoli f’Richmond-upon-Thames fejn rebaħ kontra t-Tories, bil-Ħodor ukoll jiksbu s-siġġijiet – uħud għall-ispejjeż tal-Laburisti f’Sheffield.
Minkejja li ma kisibx ir-rebħa kbira li kien qed jittama fiha, il-Kap Laburista, Corbyn, qal li l-partit tiegħu ‘kellu riżultati sodi’ fl-elezzjonijiet lokali. Madankollu, l-osservaturi qalu li l-Laburisti għandhom għalfejn iħossuhom diżappuntati talli ma ħadux ċerti kunsilli importanti lit-Tories, fosthom il-kunsill ta’ Wandsworth.
Sadanittant, l-umiljazzjoni kbira messet lill-UKIP, li kien mar tajjeb fl-elezzjonijiet lokali tal-2014 u li f’din l-elezzjoni spiċċa jitlef ‘il fuq minn 100 siġġu (kważi s-siġġijiet kollha li kien rebaħ erba’ snin ilu).
Il-Prim Ministru May, illum, żaret Wandsworth – wieħed mill-kunsilli importanti tat-Tories u li baqa’ f’idejn il-partit minkejja t-telfa ta’ tmien siġġijiet. Hi, waqt diskors, irreferiet ‘għall-falliment tal-Laburisti li jieħdu d-distrett minkejja li pruvaw minn kollox’ u fejn sostniet li l-Konservattivi ‘se jkomplu jibnu għall-futur’.
L-indikazzjonijiet huma li l-Konservattivi, minkejja li ilhom tmien snin fil-Gvern, ‘ma sofrewx daqskemm forsi stennew’ qabel l-elezzjonijiet, fost sinjali li l-Laburisti, taħt Corbyn,waqgħu lura fil-veru tragwardi. Il-Laburisti, fl-istess ħin, fallew fit-tentattiv biex jieħdu l-kontroll ta’ Westminster u tilfu wkoll il-voti f’Hillingdon.
Ma kien hemm l-ebda elezzjonijiet lokali fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq iżda l-Partit Irlandiż Sinn Fein rebaħ by-election parlamentari għas-siġġu ta’ West Tyrone, f’Westminster.
//= $special ?>

