Futbol Sport

Simeone sospiż għall-finali tal-Europa League

Il-kowċ ta’ Atletico Madrid Diego Simeone se jitlef il-finali tal-Europa League kontra Marseille fis-16 ta’ Mejju li ġej. Dan wara li ngħata sospensjoni ta’ erba’ partiti minħabba li kien tkeċċa fl-ewwel leg tas-semifinali kontra Arsenal.

Dakinhar hu ntwera l-karta l-ħamra meta protesta bl-aħrax hekk kif il-plejer Sime Vrsaljko kien tkeċċa wara biss tmin minuti. Simeone kellu jsegwi l-kumplament tal-logħba mill-area tal-VIP u ra lit-tim tiegħu jikseb draw prezzjuż ta’ 1-1 fl-Emirates. Il-Ħamis li għadda Simeone skonta l-ewwel partita ta’ sospensjoni fit-tieni leg tas-semifinali li Atletico rebħu 1-0 fi Spanja biex għaddew għall-finali.

Simeone kien qed jittama li jirritorna fuq il-bank għall-finali imma l-UEFA kkastigatu billi żiditlu tliet partiti oħra ta’ sospensjoni u dan ifisser li minbarra l-finali jista’ jitlef anke l-finali tal-UEFA Super Cup (finali li tkun ikkontestata bejn ir-rebbieħ tal-Europa League u r-rebbieħ taċ-Champions League) u l-ewwel logħba mill-fażi tal-gruppi taċ-Champions League tal-istaġun li ġej.

Atletico huma ċerti mill-fatt li staġun ieħor se jilagħbu fiċ-Champions League hekk kif bħalissa jinsabu fit-tieni post tal-La Liga. Jekk Atletico jitilfu l-finali Simeone jiskonta żewġ partiti ta’ sospensjoni fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League.

Ta’ min jinnota li kieku Atletico Madrid ma kkwalifikawx għaċ-Champions League permezz tal-kampjonat, dawn xorta waħda jistgħu jikkwalifikaw għaliha jekk jirbħu l-Europa League (bħal ma għamlu Man Utd sena ilu) u b’hekk Simeone xorta kien ikollu jiskonta s-sospensjoni fil-fażi tal-gruppi.