Lokali

Tama ġdida għal Gaffarena biex jibni 34 ‘warehouse’ f’art ODZ

It-Tribunal tal-Appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar biddel deċiżjoni tal-istess awtorità li kienet rrifjutat l-applikazzjoni għal bini ta’ mħażen fuq medda ta’ 2,800 metru kwadru fuq art ODZ lil Marco Gaffarena.

Fil-pjan lokali din l-art hi imniżżla bħala art agrikola, imma Gaffarena kien argumenta li s-sit hu mdawwar bi żvilupp simili u li kienu ingħataw il-permessi mill-awtorita tal-ippjanar.

It-tribunal iġġustifika d-deċiżjoni tiegħu billi argumenta li s-sit jikkonsisti minn barriera li hi mdawra bit-toroq. Qal ukoll li minkejja li m’għadhiex tintuża bħala barriera l-użu bħala art agrikola hu wieħed limitat minħabba d-daqs.

Oriġinarjament Gaffarena kien applika għal 33 maħżen mibnija fuq żewġ sulari fuq il-livell tat-triq. Issa t-tribunal qal li l-applikazzjoni għanda terġa tiġi kkunsidrata.

It-tribunal saħaq li l-bini ta’ dawn l-imħażen ma għandux jogħla aktar mill-livell tal-art, fil-waqt li s-soqfa jridu jintużaw bħala parkeġġi.

L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ser tappella minn din id-deċiżjoni.