Internazzjonali

It-Turkija: Iħabbru l-kandidat għal kontra Erdogan

Il-partit ewlieni tal-Oppożizzjoni Torka ħabbar li Muharrem Ince se jkun il-kandidat tiegħu li jisfida lill-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, fl-elezzjoni tax-xahar id-dieħel għall-Presidenza tal-pajjiż.

Il-Partit tal-Poplu Repubblikan (CHP), intant, qed jaħseb biex, għall-ewwel darba, jidħol f’alleanza ma’ partiti tal-lemin bit-tama li jegħleb lil Erdogan li, madankollu, jibqa’ favorit assolut għal mandat ġdid.

Ince, li ilu deputat mill-2002, hu politiku sekulari waqt li magħruf ukoll bħala kritiku kbir ta’ Erdogan.

Il-Partit Iżlamiku (AK) ta’ Erdogan qed igawdi maġġoranza fil-Parlament ta’ Ankara.

Intant, il-President Erdogan sejjaħ din l-elezzjoni bikrija bit-tama li hu, ‘il quddiem, ikun jista’ imexxi minn pożizzjoni jerġa’ aktar soda u b’aktar poteri minn qabel.

L-elezzjonijiet għall-Parlament Tork għandhom isiru fl-istess jum tal-elezzjoni għall-Presidenza – jiġifieri fl-24 ta’ Ġunju.

Dan meta s-sekularisti fit-Turkija jopponu bil-qawwi għall-aġenda tal-Partit AK fost l-inkwiet li l-Gvern ta’ Erdogan qed jipprova jiżviluppa aktar lit-Turkija fuq l-ideoloġija Iżlamika