Keane Cutajar
Birkirkara…………………………………………………..1
Valletta………………………………………………………2
Fil-partita li uffiċjalment għalqet l-istaġun 2017/18 Valletta għelbu lil Birkirkiara biex rebħu l-FA Trophy kif ukoll għamlu d-doppjetta staġjonali.
Flimkien mal-akbar attendenza tal-istaġun assistejna għal partita li kienet iddominata minn Valletta għalkemm fl-ewwel taqsima Birkirkara kellhom żewġ senjalazzjonijiet ta’ offside mogħtija kontrijhom li kienu kemxejn dubjużi. It-tim ta’ Paul Zammit daħlu xi ftit fil-partita fit-tieni taqsima wara li daħlu jilagħbu Terence Agius u Ognjen Rolovi iżda ma kienx biżżejed biex jieħdu li xtaqu minn dan il-konfront.
Alba seraq ballun minn fuq id-difensur ta’ Birkirkara fil-21 minuta qabel spiċċa waħdu quddiem il-lasta iżda sab lill-goalkeeper Maċedonjan ta’ Birkirkara attent li mblokka tajjeb.
Tliet minuti wara, xogħol tajjeb ta’ Piciollo wassal għal kross minn Zerafa li għalih daħal Kyrian Nwoko li għal ftit ma laħaqx, ballun li probabilment kien jispiċċa ġewwa.
Fit-28 minuta kien Santiago Malano li daħal tajjeb mil-lemin fil-kaxxa iżda sab lil Naumovski li reġa’ kien attent, din id-darba dawwar f’korner.
It-tim ta’ Danilo Doncic meritatament marru minn fuq fil-41 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Kyrian NWOKO li qarqet bit-tim ta’ Birkirkara u ħalliet lil Naumovski jħares lejn il-ballun dieħel fix-xibka.
Sekondi minn tmiem l-ewwel taqsima, l-eks ta’ Birkirkara, Joseph Zerafa ttanta xortih minn barra l-kaxxa b’xutt b’saħtu li ħasad lil goalkeeper tal-Istripes iżda li stampa mal-lasta.
L-ewwel azzjoni perikoluża ta’ Birkirkara waslet fit-62 minuta meta kien Waldemar Acosta li prova minn barra l-kaxxa iżda sab lil Henry Bonello attent li tar minn tulu biex salva.
Valletta rrdupjaw fid-79 minuta meta kien Santiago MALANO li daħal tajjeb fil-kaxxa, b’finta qabeż d-difensur u waħdu ma’ Naumovski ma’ żbaljax.
Birkirkara naqsu d-distakk fis-87 minuta permezz ta’ freekick ta’ Ognjen ROLOVIC li ħabat u ddevja mal-barriera ta’ Valletta, qarraq b’Bonello u spiċċa fix-xibka.
Fid-90 minuta reġa’ kien Rolovic li nkariga ruħu minn freekick minn mal-limiti tal-kaxxa li għadda kemm kemm għoli mil-mimduda.
//= $special ?>