Lokali

Il-Palazz ta’ Selmun se jkun għall-bejgħ

Dan filwaqt li hemm diversi kontroversji ambjentali dwar artijiet oħra madwar Malta; fosthom f'Ħondoq ir-Rummien u ODZ f'Ħal Kirkop

Il-Palazz ta’ Selmun se jinbiegħ. Hekk ikkonferma l-Ministru Edward Scicluna fil-Parlament, fejn stqarr li hemm pjanijiet fis-seħħ biex din il-binja storika ma’ tibqax propjeta’ ta’ kumpanija sussidjarja tal-Air Malta, u ssir tal-privat kompletament.

Il-Palazz li nbena fis-seklu 18 kien ġie kkumissjonat minn Monte di Pieta’, qabel ma nbidel f’lukanda f’idejn il-kumpanija Selmun Palace Hotel Company Limited, dik li taqa’ direttament taħt il-kontroll tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta. Madanakollu, issa sar magħruf li l-bejgħ tiegħu se jsir, u l-uffiċjali tal-Gvern qalu li bħalissa hemm il-pjanijiet fis-seħħ biex jinfetaħ il-proċess fejn jibdew jintefaw l-offerti biex jinxtara l-palazz.

Jidher li din il-mossa mill-Gvern ma tantx niżlet tajjeb mal-ambjentalisti, fejn bosta qalu li l-Gvern qed ibiegħ wirt storiku ta’ pajjiżna.

Iżda din mhux l-unika aħbar dwar l-ambjent li qed tiddomina l-aħbarijiet. Dan hekk kif fi stqarrija, l-Awtorita’ tal-Ippjanar qalet li se tappella quddiem il-Qorti tal-Appell dwar erba’ deċiżjonijiet li ttieħdu mit-Tribunal Reviżorju għall-Ambjent u l-Ippjanar.

L-erba’ każijiet huma dwar avviżi ta’ infurzar li ħarġu mill-Awtorita’ kontra l-eks sidien tal-Mistra Village Holiday Complex fix-Xemxija u l-Jerma Palace, u dwar rifjut għall-permessi ta’ żvilupp ta’ villaġġ f’Ħondoq ir-Rummien u żvilupp ta’ mħażen fuq art ODZ f’Ħal Kirkop.

Fir-rigward tal-Mistra Village Holiday Complex u l-Jerma Palace, fl-2016 l-Awtorita kienet ħarġet żewġ notifiki ta’ infurzar hekk kif dawn il-binjiet tħallew abbandunati għal snin twal. Minn naħa l-oħra, f’Ħondoq ir-Rummien l-Awtorita’ vvutat unanimament kontra l-kostruzzjoni ta’ port għal jottijiet, flimkien ma’ lukanda, b’110 kamra, 20 villa, 263 appartament, u ċentru tal-villaġġ bi knisja u ħwienet.

Dwar l-imħażen f’Ħal Kirkop fuq l-art ODZ, li ġie rrifjutat hu proġett b’aktar minn 30 maħżen.