F’dawn il-jiem qed tittella l-għaxar edizzjoni ta’ Medieval Mdina. Din hi attrazzjoni annwali li toffri esperjenza partikolari tal-istorja Maltija permezz ta’ diversi attivitajiet li jkun hemm.
Numru ta’ gruppi differenti taw ħajja medjevali lill-Mdina, fejn diversi persuni libsu kostumi tipiċi filwaqt li eżebixxew drawwiet u tradizzjonijiet ta’ dak iż-żmien.
Fost l-attrazzjonijiet kien hemm armaturi tal-epoka medjevali kif ukoll re-enactments u esebizzjonijiet li juru avvenimenti ta’ dak iż-żmien, fosthom il-pesta. Intant kien hemm ukoll diversi mużiċisti jdoqqu kanzunetti tradizzjonali.
Mas-snin din l-attività kibret u qanqlet interess kbir kemm qalb il-Maltin ta’ kull età, kif ukoll fost it-turisti.
B’kollox se jkun hemm tmien gruppi li se jkunu qed jagħtu eżebizzjonijiet taż-żmien medjevali, b’kostumi, drawwiet ġlied u anke tradizzjonijiet ta’ din l-epoka. Filfatt grazzi għal din l-attività numru ta’ Maltin anke speċjalizzaw fi ġlied bi xwabel bis-servizz tagħhom ikun mitlub anke f’esebizzjonijiet barra minn xtutna.
Medieval Imdina tkompli wkoll matul il-ġurnata tal-Ħadd. Minbarra l-Maltin se jkun hawn ukoll gruppi ta’ Sbandieratori minn San Marino u anke grupp mużikali minn Sqallija.
F’dan tmiem il-ġimgħa wkoll Heritage Malta se tkun qed testendi l-ħinijiet tal-ftuħ u anke se toffri tnaqqis fil-prezzijiet għall-Mużew tal-Istorja Naturali u anke tad-Domus Rumana.
//= $special ?>