Ma ħareġ l-ebda rebbieħ ċar mill-elezzjonijiet lokali tal-Ħamis fl-Ingilterra u waqt li l-Partit Laburista ta’ Jeremy Corbyn seta’ kiseb ‘l-aħjar riżultat f’Londra mill-1971’, xorta waħda naqas milli jirbaħ distretti ewlenin bħal Wandsworth.
B’hekk, il-Prim Ministru u Kap tal-Konservattivi, Theresa May, tista’ tgħid li l-elezzjonijiet kienu, ftit jew wisq, ‘suċċess’ għall-partit tagħha.
L-analiżi, wara l-għadd tal-voti finali, tindika li l-Partit Konservattiv u l-Laburisti jinsabu ‘ras-imb-ras’ (fuq 35 fil-mija) fejn jidħol l-appoġġ popolari. Filwaqt li Corbyn ammetta li kien ‘diżappuntat’ dwar xi riżultati li kiseb il-partit tiegħu f’ċerti distretti hu jinsab xorta ottimist li ‘jistgħu jirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss’ fir-Renju Unit.’
Il-Konservattivi qed jidhru li gwadanjaw sew mid-disfatta enormi tal-Partit (ewroxettiku) UKIP fl-elezzjonijiet lokali.
Fil-fatt, ir-riżultat għat-Tories ‘kien aqwa milli mistenni’, bil-Ministru għall-Affarijiet Barranin Boris Johnson u d-deputat Iain Duncan Smith – it-tnejn promoturi kbar tal-Brexit – issa qed iħeġġu lil May biex tippersisti bi pjani ‘ħalli r-Renju Unit jinfired kompletament mill-Unjoni Ewropea’.
//= $special ?>

