Lokali

Missier Konrad Mizzi jmexxi l-interviews tal-Air Malta

Missier il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, Lawrence Mizzi, intagħżel mill-Gvern biex imexxi l-interviews tal-impjegati tal-Air Malta li japplikaw għal xogħol alternattiv mal-Gvern.

Mizzi, li għandu 66 sena u fil-passat hu wkoll kien jaħdem mal-Air Malta, personalment qed jagħmel dawn l-interviews u javża lill-applikanti b’xogħol disponibbli mal-Gvern.

Biex jagħmel dan, il-Gvern ħatru bħala Chairman tar-Resource Support and Services Limited, li hi kumpanija statali ġdida.

Iżda minkejja li ibnu hu l-Ministru tat-Turiżmu, u allura responsabbli wkoll mill-Air Malta, Lawrence iddikjara li ħadd ma qallu li hemm xi tip ta’ kunflitt ta’ interess.

Ikkuntattjat minn The Times of Malta hu kkonferma li jokkupa din il-pożizzjoni u li għamel dawn l-interviews. Madankollu ġġustifika billi qal li minkejja li hu missier il-Ministru Konrad Mizzi, dan ma jfissirx neċessarjament li hemm xi kunflitt ta’ interess u ħadd ma lmenta dwar dan.

L-istess gazzetta bagħtet ukoll mistoqsijiet lill-Ministeru tat-Turiżmu dwar kunflitt ta’ interess f’dan il-każ, iżda The Times ma rċeviet l-ebda risposta ħlief konferma mill-ġdid li Lawrence Mizzi jokkupa din il-kariga.

L-ebda risposta lanqas jekk din is-sitwazzjoni twassalx għal ksur tal-kodiċi ta’ etika ministerjali dwar xogħol lil qraba stretti ta’ Ministru fi ħdan l-istess responsabbiltajiet tal-Ministeru.

Din is-sitwazzjoni poġġiet f’sitwazzjoni skomda lil diversi impjegati tal-Air Malta li ovjament ma setgħux jilmentaw jew jikkritikaw lil min jipjegahom, propju għaliex quddiemhom kellhom lil missier il-Ministru li jikkontrolla l-Air Malta.

Il-post tax-xogħol ġdid għal missier il-Ministru Konrad Mizzi nħoloq grazzi għal deċiżjoni tal-Gvern li l-Air Malta toħroġ diversi skemi ta’ rtirar kmieni jew trasferimenti volontarji għal mal-Gverm.