Lokali

Aktar antagoniżmu bejn Deputati Laburisti fis-Sitt Distrett

Fl-aħħar ġimgħat komplew jikkargaw aktar piki u antagoniżmu bejn Deputati Laburisti tas-Sitt Distrett li jinkludi Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi. L-aktar piki evidenti huma bejn is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar, u bejn is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u l-Ministru Ian Borg.

Deputati Laburisti fis-Sitt Distrett għadhom qed jimpikaw bejniethom wara kampanja qalila fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali. L-aktar li qed tidher il-pika hi mill-kamp ta’ Silvio Schembri.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-pika bdiet fil-kampanja elettorali, u eskalat meta Silvio Schembri kellu jċedi s-siġġu tas-Sitt Distrett biex telgħet fil-Parlament Rosianne Cutajar – issa ferm fl-aħbarijiet – imma kompliet tiqliel anke wara.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument stqarru li wara li ċeda s-siġġu tas-Sitt Distrett biex telgħet Rosianne Cutajar fil-Parlament, attivisti qrib Silvio Schembri għajru attivisti Laburisti qrib Rosianne Cutajar li d-Deputata tagħhom tinsab il-Parlament bis-saħħa ta’ Silvio Schembri. Dan urta mhux ftit lill-persuni viċin Rosianne Cutajar, li min-naħa l-oħra, mhux jibqgħu lura milli jirribattu f’din il-pika bejn Deputati Laburisti eletti mis-Sitt Distrett.

L-istess sorsi qalu li huma jinsabu wkoll urtati ħafna bl-arja żejda li l-Partit Laburista qed jagħti lil l-eks Deputat Laburista Bertu Pace. Bertu Pace ssemma fiċ-ċentru fl-allegat skandlu li faqqa’ fl-aħħar snin taħt Gvern Laburista, u li allegatament jinvolvi permess għal villa f’art ODZ fis-Siġġiewi.

Bertu Pace hu mqabbad mill-Partit Laburista biex jippoża bħala persuna li għandu ideat validi għall-ambjent u d-dehra tar-raħal tas-Siġġiewi.

Madankollu, bosta ma jistgħux jifhmu kif xi ħadd fl-allegat skandlu bħal ta’ Bertu Pace, jista’ jkun il-persuna ideali li tippoża bħala vuċital-Partit Laburista għall-ambjent, jew ideali għad-dehra fis-Siġġiewi. Dan qed ikompli jqanqal rabja fost attivisti Laburisti f’dan id-Distrett għaliex iħossu li Bertu Pace diġà għamel biżżejjed ħsara lill-Partit Laburista fis-Siġġiewi, bl-allegat skandlu tal-villa fuq art ODZ.

Sorsi oħrajn fissru li persuni viċin is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri jinsabu f’pika wkoll mal-attivisti viċin il-Minsitru Ian Borg. Din il-pika ilha li bdiet, iżda kompliet tikber wara l-Elezzjoni Ġenerali meta Ian Borg ingħata Ministeru li jinkludi diversi xogħlijiet fit-toroq, waqt li Silvio Schembri ma ngħatax Ministeru, imma hu biss Segretarju Parlamentari.