Barcelona baqgħu mhux megħluba fil-kampjonat Spanjol La Liga wara li spiċċaw 2-2 kontra Real Madrid minkejja li lagħbu taqsima sħiħa b’raġel anqas. Il-Katalani issa jispiċċaw il-kampjonat b’logħbiet f’darhom kontra Villarreal u Real Sociedad kif ukoll barra minn darhom kontra Levante, hekk kif qed jippruvaw isiru l-ewwel tim f’La Liga li jirbaħ il-kampjonat bla telfa.
Kif mistenni ma kienx hemm applaws mill-plejers ta’ Real Madrid lil dawk ta’ Barcelona qabel il-logħba, fl-okkażjoni tar-rebħ tal-kampjonat, f’dik li hi tradizzjoni Spanjola.
Luis Suarez fetaħ l-iskor fl-10 minuta meta għeleb lil Navas b’xutt mill-ewwel wara kross preċiż ta’ Sergi Roberto. Iżda Real irrispondew tajjeb u ġabu d-draw mal-kwarta, b’Karim Benzema jgħaddi bir-ras għan-nofs lejn Cristiano Ronaldo li daħal bħal vleġġa biex kompla għal ġewwa.
Barcelona kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta lejn tmiem l-ewwel taqsima tkeċċa Sergi Roberto wara argument mingħajr ballun ma’ Marcelo.
Minkekka l-inferjorità numerika, Barcelona marru minn fuq fit-52 minuta b’azzjoni tipika ta’ Lionel Messi li biha għeleb lil Navas b’xutt meqjus għar-rokna. Real Madrid ġabu d-draw fis-70 minuta b’xutt mill-isbaħ mill-ewwel ta’ Gareth Bale.
//= $special ?>