Michael Farrugia, il-Ministru responsabbli mill-Ħabs, li wiegħed riforma fil-Ħabs, illum tmien xhur wara, mhux biss lanqas daħħal virgola waħda minn dik ir-riforma li qed tirriżulta f’waħda ta’ falliment totali, iżda l-akbar akkuża fil-konfront tiegħu hi li qatt daqs illum il-Ħabs ma kien fi stat daqstant diżastruż.
Fil-25 ta’ Settembru li għadda, il-Ministru Michael Farrugia kien għamel konferenza tal-aħbarijiet u, fost l-oħrajn, kien wiegħed li l-Gvern kellu immedjatament jimbarka fuq riforma fil-Ħabs. Dakinhar kien wiegħed li hu kien se jirriforma s-sistema tat-Tmexxija tal-Ħabs. Dakinhar kien spjega li dan kellu jsir bl-iskop li tiżdied l-effiċjenza u l-priġunieri jingħataw l-akbar ċans li jwettqu b’suċċess programmi edukattivi u ta’ riforma.
Michael Farrugia – li hu sigriet magħruf li hu Ministru bla ebda entużjażmu għas-settur tal-Intern – kien ħabbar ukoll li r-riformi fil-Ħabs kellhom jinkludu wkoll il-proposta li d-Direttur tal-Ħabs ikollu rwol ta’ Kap Eżekuttiv li jimplimenta programm ta’ ħidma bbażat fuq deċiżjonijiet li jkunu approvati minn Bord tal-Gvernaturi tal-Ħabs.
Dakinhar il-Ministru Michael Farrugia kien sejjaħ bħala inuman il-ħlasijiet li jitħallsu l-ħabsin tax-xogħlijiet li jkunu qed jagħmlu. Spjega kif qed tiġi evalwata l-possibbiltà li l-Gvern iħallas parti mill-bolla tal-ħabsin sakemm dawn ikunu qed jiskontaw is-sentenza.
Illum, tmien xhur wara dik il-konferenza tal-aħbarijiet, kemm l-Uffiċjali tal-Ħabs kif ukoll il-priġunieri jduru fuq il-Ministru Farrugia u jakkużawh b’falliment totali għaliex minn dak il-paroli kollu li wiegħed, ma daħħal xejn fis-seħħ.
Jekk tmien xhur ilu l-Ħabs kien fi stat tassew gravi, illum is-sitwazzjoni fl-istess Ħabs hi ferm u ferm agħar milli kienet, tant li bosta jargumentaw li qatt daqs illum il-qagħda fil-Ħabs ma kienet daqstant ta’ abbandun.
Persuni li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li l-ħuta minn rasha tinten, u l-akbar problema fil-Ħabs hi l-persuna li qed tokkupa l-kariga mhux uffiċjali ta’ Aġent Direttur tal-Ħabs, Mariella Caruana.
Wara li mill-Ħabs telaq Paul Debattista li kien qiegħed jipprova jagħmel biċċa xogħol tajba iżda ma setax ikompli bix-xogħol tiegħu minħabba l-indħil enormi li kien qiegħed ikollu minn persuni inkompetenti fil-Ministeru, issa l-Ħabs la għandu kap u anqas kuda. Mariella Camilleri mhu qed ikollha ebda riżultati. Prova ta’ dan ingħatat ftit tal-jiem ilu biss meta nqala’ inċident serju f’Division 13 fejn priġunieri barranin ippruvaw iħebbu għal xi Uffiċjali tal-Ħabs, u din assenti kienet u assenti baqgħet.
Uffiċjali tal-Ħabs li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li iżda, wieħed ikun inġust jekk jipponta subgħajh biss lejn Mariella Caruana għaliex hemm oħrajn fit-Tmexxija tal-Ħabs, fosthom fizzjali seconded mill-Korp tal-Pulizija, li mhumiex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom.
Assenti wkoll Robert Edminson, l-Amerkan suppost kwalifikat li hu responsabbli mis-sigurtà. Hawnhekk hawn problemi enormi fejn il-preżenza tad-droga hi waħda qawwija ħafna u agħar minn hekk, hemm volum qawwi ta’ abbuż ta’ droga sintetika li diffiċli biex tinqabad.
L-Uffiċjali tal-Ħabs li tkellmu ma’ il-mument komplew li xhieda ta’ kemm fil-Ħabs hemm problemi kbar konnessi mas-sigurtà, wieħed jista’ jarahom jekk jifli ftit is-sitwazzjoni tad-droga fejn għaddej negozju qawwi.
“Minn xi drabi aħna nissuspettaw li dan in-negozju ta’ droga – l-agħar id-droga sintetika – qed jitħalla jsir bil-barka ta’ persuni fit-tmexxija bl-iskop li l-priġunieri jinżammu dejjem kwieti,” qalilna Uffiċjal tal-Ħabs.
Hemm imbagħad il-problema kbira li l-Uffiċjali u l-membri tal-SRT ma għandhomx l-għodda l-aktar bażika biex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom kif jixtiequ u kif meħtieġ.
Dan l-aħħar kien hemm xi priġunieri barranin li kienu se jdawru Uffiċjal tal-Ħabs. Kien biss b’mod fortunat li intervjenew Uffiċjali
oħrajn tal-Ħabs li kienu fil-viċinanzi għaliex dak l-inċident partikulari seta’ kellu aktar konsegwenzi gravi… aktar u aktar meta aktar tard sar magħruf li l-priġunieri inkwistjoni kellhom fil-pussess tagħhom sikkina perikoluża.
Uffiċjali tal-Ħabs huma urtati wkoll bil-fatt li persuni fil-Blokk Amministrattiv jagħtu ċertu arja lil ċerti priġunieri, u dawn erħilhom jidħlu fil-Blokk Amministrattiv x’ħin u meta jridu bla ebda skorta magħhom.
Dan il-fatt u fatti oħrajn diskriminatorji bejn il-priġunieri qed jurtaw bil-kbir lil ħafna priġunieri wkoll għaliex jafu li xi ftit għandhom ir-riħ fil-poppa, iżda oħrajn mhumiex meqjusa għal dawn il-ftit priġunieri li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu u x’ħin iridu.
L-agħar problema fil-Ħabs attwalment hi dik tal-abbundanza tad-droga kemm tradizzjonali kif ukoll sintetika. Jirriżulta minn tweġibiet fil-Parlament li ta l-Ministru Michael Farrugia stess, li huma frekwenti l-każijiet ta’ priġunieri li jinqabdu pożittivi bid-droga. Iżda fil-verità, hemm ukoll każijiet ta’ priġunieri li jabbużaw mid-droga sintetika li darba jagħmlulhom it-testijiet tal-urina, dan ma jindikax li tali priġunieri fil-fatt ikunu għamlu użu mid-droga sintetika.
Michael Farrugia tant qed tfallilu r-riforma li wiegħed, li saħansitra l-Prim Ministru Joseph Muscat intervjena biex jinbdew negozjati ħalli jkunu identifikati numru ta’ persuni li jieħdu f’idejhom it-Tmexxija tal-Ħabs.
Iżda anqas sa hawn il-Gvern ma kien kapaċi jasal bir-riżultat li fil-preżent, il-Ħabs ta’ Kordin għadu ma joffrix ir-riabilitazzjoni meħtieġa minn tant u tant priġunieri biex darba jiskontaw is-sentenza tagħhom, ikunu jistgħu joħorġu mill-Ħabs u jintegraw b’suċċess mill-ġdid fis-soċjetà.
//= $special ?>