Lokali

Illum jibda l-Kunsill Ġenerali tal-PN ‘Infasslu Futur Flimkien’

Illum jingħata bidu għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, f'dan l-artiklu ssib id-dettalji tal-programm għall-ġimgħa kollha

Illum se jingħata bidu għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali fid-9.30 ta’ filgħodu, bit-tema prinċipali tkun dik ta’ Infasslu l-Futur Flimkien. Din is-sena, il-Kunsill Ġenerali se jkun imqassam fuq tmient ijiem fejn kuljum se jkun hemm sessjoni b’tema partikolari diskussa.

Il-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali se jkun indirizzat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli fejn se jiġi preżentat ir-rapport ta’ ħidma, iżda fl-istess waqt se tingħata ħarsa wkoll lejn il-viżjoni tal-amministrazzjoni l-ġdida għall-politika li se jkun qed jaddotta l-Partit Nazzjonalista.

Intant, ilbieraħ saret konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazjonalista fejn sar magħruf li f’dan il-Kunsill Ġenerali se titnieda fergħa ġdida bl-isem ta’ Start. F’dan ir-rigward, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli tenna: “Il-Partit Nazzjonalista se jkollu leħen aktar żagħżugħ. Se nagħtu l-opportunita’ liż-żgħażagħ biex ikunu parti mit-tmexxija ta’ dan il-Partit, u jkunu huma l-protagonisti biex infasslu futur flimkien”. Il-fergħa Start se tkun magħmula minn żgħażagħ tal-etajiet bejn l-14 u s-17-il sena, u li bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva l-Partit Nazzjonalista se jkollu leħen aktar żgħażagħ fl-għola livelli tiegħu, fil-Kumitat Amministrattiv u anke dak Eżekuttiv. Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli żied li wara 140 sena li ilu li fforma l-Partit Nazzjonalista, xorta waħda sal-lum għadu qed ikompli jaġġorna ruħu. Semma’ kif il-Partit Nazzjonalista kien dejjem hemm fil-mumenti kritiċi tal-pajjiż, u ħoloq viżjoni għall-poplu Malti fosthom l-Indipendenza u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ

B’rabta mal-Kunsill Ġenerali li se jibda l-Ħadd, tat id-dettalji kollha l-President Kristy Debono. Spjegat kif matul din il-ġimgħa li ġejja se jkun hemm tmien sessjonijiet li fihom se jiġu trattati temi bħal politika nazzjonali, Kunsilli Lokali u anke l-politika fuq skala Ewropea. F’dawn is-sessjonijiet se jitkellmu l-attivisti, l-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali, l-Kunsillier Lokali.Matul il-ġimgħa se jsiru sessjonijiet li fihom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qiegħed iwieġeb id-domandi tal-attivisti.

Dwar din l-istess tema’ żagħżugħa u t-tnedija tal-fergħa Start, tkellem il-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista Joseph Grech fejn żied li issa hi l-opportunita’ biex iż-żgħażagħ juru r-responsabilita’ tagħhom, hekk kif għall-ewwel darba wkoll se jidħol il-Vot 16 – vot li l-MŻPN dejjem kienet favurih. Il-mozzjoni se tkun qed tassigura li tal-inqas 14 il-membru żgħażagħ taħt it-30-il sena jkunu membri tal-Eżekuttiv tal-Partit, li jfissru 15% tat-total tal-membri tal-istess Eżekuttiv. L-istess mozzjoni tipproponi li titwettaq fergħa ġdida fil-partit għal żgħażagħ adoloxxenti. Dan kollu se jkun qed jerġa’ jagħmel lill-Partit Nazzjonalista partit għaż-żgħażagħ u partit żagħzugħ, li lest jilqa’ għall-isfidi tal-futur.

B’din l-inizjattiva, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jifhem aktar il-problemi tal-adoloxxenti li se jkunu qed jiffurmaw parti mill-organu tal-Partit Nazzjonalista, biex iwasslu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom fuq materji li żgħażagħ ta’ eta akbar ma jkunux jafu bihom.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll Amanda Abela, fejn spjegat fid-dettall is-sessjonijiet ta’ matul il-ġimgħa li se jsiru kemm fil-każini tal-Partit Nazzjonalista fl-irħula, u anke fis-Dar Ċentrali. Amanda Abela qalet li hu importanti li f’dawn il-jiem tal-Kunsill Ġenerali hu importanti li nispjegaw l-importanza tal-kisbiet li ġab il-Partit Nazzjonalista matul iż-żmien, fosthom il-Kunsill Lokali u d-dħul tal-Unjoni Ewropea.

F’dan il-Kunsill Ġenerali, se jkun hemm mal-1,500 Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista li hu mistieden mhux biss jattendi, iżda jipparteċipa fis-sessjonijiet. NET Television se jkun qed ixandar diversi sessjonijiet matul il-ġimgħa.

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Il-Programm sħiħ:

Illum fid-9.30 ta’ filgħodu fid-Dar Ċentrali se jsir il-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali, fejn se jiġi preżentat rapport mis-Segretarju Ġenerali. F’dan ir-rapport mhux biss se jkun hemm ħarsa u riflessjoni lejn il-ħidma passata tal-Partit Nazzjonalista, iżda wkoll se tingħata attenzjoni lejn il-viżjoni għall-futur.

Din is-sena, b’sens ta’ innovazzjoni u Partit aktar miftuħ, il-Kunsill Ġenerali se jitqassam fuq tmient ijiem li fihom kuljum se ssir sessjoni b’tema partikolari.

  • Għada t-Tnejn fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid, se ssir diskussjoni li fiha l-attivisti se jkunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom u wara jirrispondi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Din l-attivita’ tibda fis-sebgħa ta’ filgħaxija.
  • L-istess it-Tlieta filgħaxija fl-istess ħin, fil-każin ta’ Birkirkara l-Kap tal-Partit Nazjzonalista Adrian Delia għal darb’oħra se jkun qed jirrispondi għall-mistoqsijiet u ideat tal-attivisti.
  • L-Erbgħa, f’Jum l-Ewropa, il-Kunsill Ġenerali jagħti l-attenzjoni fuq is-suġġett tal-Unjoni Ewropea u s-suċċessi li kiseb pajjiżna kemm ilna membri sħaħ mill-2004, u l-ħidma tal-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti. Ukoll tingħata ħarsa lejn l-isfidi li trid taffaċċja l-Unjoni Ewropea. Din is-sessjoni se ssir fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija.
  • Il-Ħamis, il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jmur Għawdex, fejn fil-Grand Hotel fl-Imġarr Għawdex, se jkun hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jirrispondi għall-mistoqsijiet tal-attivisti marbuta mat-tema ‘Għawdex u l-Għawdxin’. Din l-attivita’ tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija.
  • Imbagħad il-Ġimgħa fis-sebgħa ta’ filgħaxija  jkun imiss diskussjoni fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Malta, fejn għal darb’oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-attivisti fil-każin ta’ San Ġwann.
  • Il-Kunsilli Lokali se jkunu l-punt tad-diskussjoni nhar is-Sibt 12 ta’ Mejju, mid-9.30 ta’ filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. F’għeluq il-25 sena minn meta ġew iffundati, il-Kunsilliera se jiddiskutu t-triq ‘il quddiem għal Kunsilli Lokali u kif verament jistgħu jħallu impatt fil-ħajja tar-residenti.
  • Fl-aħħar ġurnata, il-Ħadd 13 ta’ Mejju fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, jintlaħaq il-qofol hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jagħmel diskors prinċipali għall-għeluq tal-Kunsill Ġenerali Annwali għas-sena 2018 bit-tema ‘Infasslu Futur Flimkien’.

Ara l-programm sħiħ hawn taħt: