Lokali

“Pjan biex il-media tal-PN tinbidel mill-qiegħ” – Pierre Portelli

Din is-sena jitfakkar l-20 anniversarju ta' Net Television

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-pjan li fix-xhur li ġejjin ibiddel il-media mill-qiegħ.

Hekk qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-PN Pierre Portelli f’diskors li għamel dalgħodu fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Pierre Portelli qal li l-PN għandu l-ħsieb li jbiddel mill-qiegħ il-mod kif jitwassal il-messaġġ fuq il-media tal-partit. U appella lill-attivisti biex ikunu lesti għal din il-bidla, biex il-PN jinfetaħ għal aktar nies.

“Il-media tagħna trid tkun miftuħa anke għal dawk li ma vvutawx lill-PN”, qal Pierre Portelli. “Il-messaġġ irid ikun li m’hemmx bżonn tkun Nazzjonalist biex tivvota PN.”

Il-ħsieb tal-PN hu li l-media tilbes libsa ġdida, b’argumenti ġodda li jkunu ibbażati fuq il-mod ġdid li qed jimbotta ‘l quddiem il-Kap tal-PN Adrian Delia.

“Qed ninvestu biex niġġeddu. U lesti nieħdu kull deċiżjoni possibbli biex il-media tagħna tibqa’ b’saħħitha”, qal Portelli.

Fid-diskors tiegħu, Pierre Portelli fakkar li l-ħaddiema ta’ Media.Link jagħtu ħafna aktar minn dak mistenni minnhom. F’sitt xhur, kif spjega Pierre Portelli, l-ispiża rikorrenti tnaqqset bi 17 fil-mija.

Iċ-chairman preżenta analiżi tal-udjenzi li jsegwu l-media tal-PN. Fost l-oħrajn, semma’ kif 80,000 ruħ isegwu regolarment dan is-sit elettorniku.

Pierre Portelli irringrazzja ukoll lil Media.Link għall-erba’ awards li intrebħu lbieraħ fil-Malta Journalism Awards.

Ikkummenta