Jiena ninsab hawn biex inbiddel, biex ninbidel, biex inbiddel lill-Partit u lill-pajjiż għall-aħjar. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ndirizza l-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu min-nies.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun il-Partit tan-Nies u l-Vuċi tal-Ħaddiema. Għalhekk se jkompli joħroġ mid-Dar Ċentrali u jibqa’ jiltaqa’ ma’ kulħadd. Qal li jrid li l-bibien tal-Partit Nazzjonalista jkunu miftuħin beraħ għaż-żgħażagħ biex magħhom iġib ideat innovattivi u jagħmel lill-Partit wieħed żagħżugħ.
Fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tressqet Mozzjoni, li se tassigura li 15% tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit ikun magħmul minn żgħażagħ. L-istess Mozzjoni qed twaqqaf fergħa fil-Partit għaż-żgħażagħ adolexxenti ta’ bejn l-14 u s-17-il sena. Adrian Delia qal li ż-żgħażagħ se jkollhom vuċi soda u se jkunu madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet tal-Partit.
Fl-għeluq tal-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet li sarulu min-nies fuq temi differenti. Tkellem fost l-oħrajn dwar it-tarbija fil-ġuf, fejn qal li filwaqt li għall-Ministru Chris Fearne l-embrijun hu biss tmien ċelloli, għall-Partit Nazzjonalista hu ħajja umana. Qal li l-prinċipju tal-Partit Nazzjonalista hu wieħed ċar favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.
Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista, li rebaħ l-elezzjoni tal-2013 bl-għajta tar-roħs tal-kontijiet tad-dawl, minflok, qed jisraq lin-nies. Dan wara li The Guardian ippubblikat storja dwar kif xi ħadd għamel profitt ta’ $40 miljun f’sena minħabba d-‘deal’ ħażin tal-gass LNG mas-SOCAR tal-Ażerbajġan. Kompla li n-nies qed jirċievu l-kontijiet kull xahrejn u qed jintilef ir-‘rebate’, bil-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun il-vuċi tan-nies li mhux se tħalli lill-Gvern jidħak bil-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li min jagħmel ħajtu jaħdem għandu jkollu pensjoni diċenti. Il-politiċi qegħdin hemm biex jisimgħu lin-nies u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista ma qabilx li tingħata ż-żieda tal-pensjoni lill-Parlamentari. Adrian Delia qal li l-Partit Laburista jista’ jgħid kemm irid li din kienet ‘u-turn’, iżda din kienet deċiżjoni favur in-nies u l-pensjonanti.
//= $special ?>