Sport Sport Ieħor

And Here I Am jirbaħ il-finali Krafft

And Here I Am (Rodney Gatt) jaqsam il-linja finali fit-tiġrija tal-kampjonat Krafft (Ritratt: Martin Agius)
Rodney Gatt l-aħjar b’erba’ rebħiet

Rapport: Kenneth Vella

F’idejn Rodney Gatt, id-Daniż And Here I Am rebaħ il-finali tal-kampjonat Krafft għal żwiemel tal-klassi Silver fuq distanza  qasira ta’ 2140m. Din il-finali għamlet parti mill-21 laqgħa tal-istaġun fuq disa’ tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott. Il-laqgħa nkludiet ukoll tiġrija tal-klassi Premier fuq distanza twila ta’ 2640m u li ntrebħet minn Rodney Gatt temm l-aħjar sewwieq b’erba’ rebħiet.

Ħdax-il żiemel ħadu sehem fil-finali Silver. And Here I Am (Rodney Gatt) mar quddiem wara ftit metri mill-bidu uffiċjali tal-finali. Matul l-ewwel metri dan fetaħ vantaġġ żgħir minn Rainbow Sautonne (Clive Gerada) u Nobile Edel (Mario Fenech) 500m mit-tmiem, And Here I Am kien għadu jiġri b’ċertu qawwa u fl-aħħar metri xorta rnexxielu jirreżisti anki l-pressjoni ta’ Nobile Edel u Ton Reve L’Eman (Anton Cassar) li daħlu warajh fit-tieni u t-tielet pożizzjoni. Veaulnes (Noel Baldacchino) temm fir-raba’ post.

Fi tmiem il-finali, is-Sur Shawn Pete Azzopardi, f’isem l-isponsors, ippreżenta t-trofew ta’ rebbieħa lil Rodney Gatt u Josef Cassar, sewwieq u sid rispettivament taż-żiemel rebbieħ. Dan fil-preżenza ta’ Edwin Borg, Chairman tal-Malta Racing Club. Għal And Here I Am din kienet it-tielet rebħa tas-sena u t-tieni waħda konsekuttiva.

Fl-uniku tiġrija tal-klassi Premier, it-Taljan Paparazzi (Mark Bonnici) kien quddiem għal parti twila tad-distanza u rnexxielu jittrijonfa b’nofs tul minn Jaguar Broline (Charles Camilleri) u Sugarboj Petoj (James Briffa). M.T. Gogogirl (Nathaniel Barbara) kellha wkoll wirja tajba meta temmet fir-raba’ pożizzjoni. Għal Paparazzi din kienet l-ewwel rebħa fi xtutna.

Il-laqgħa tal-bieraħ inkludiet ukoll żewġ tiġrijiet normali tal-klassi Gold fuq distanza twila. L-ewwel waħda kienet ikkaratterizzata minn taqtigħa bejn erba’ żwiemel fid-dritta finali tagħha.

Kien Rodney Gatt li qasam il-linja finali l-ewwel b’My Account minn Hilda Nalan (Clint Vassallo) u Navaj Brodda (Charles Magro). Enzo Nova (Tony Demanuele) temm warajhom f’dik l-ordni. Għaż-żiemel ta’ Gatt dan kien l-ewwel suċċess tas-sena.

Fit-tieni tiġrija Gold, Sharif America (Matthew Sammut) inqabeż mill-Finlandiża Ida Glitter (George Attard) f’nofs id-dritta finali. B’hekk din id-debba ħadet l-ewwel rebħa f’Malta b’U.Two Swing (Raymond Cassar) u Thai Cartier (Marco Debono) jidħlu warajhom f’dik l-ordni.

Saret ukoll tiġrija tal-ponijiet shetland misjuqa minn tfal fuq distanza ta’ mitejn metru u li ntrebħet faċilment b’vantaġġ ta’ għaxar tulijiet minn Cindy ta’ Glen Calleja.

Ir-riżultati kollha

I Tiġrija Klassi Copper. Dist – 2640m. 1. Runway (R. Gatt) Ħin – 3.28.1”(1.18.8”) 2. Revenge Alone (A. Farrugia) 3. Oleggio (B. Camilleri) 4. Tell You Off (N. Cauchi)

II Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 2640m. 1. Memphis Next King (Ph. Calleja) Ħin –  3.24.2” (1.17.4”) 2. Mayflower Laday (R. Gatt) 3. Jezira (C. Camilleri) 4. Janitor (J. Farrugia)

III Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 2640m. 1. Julle Juvel (M. Bonnici) Ħin – 3.26” (1.18”) 2. Freddie Melon (K. Saliba) 3. Tyrone Power (R. Gatt) 4. Udice Boko (N. Baldacchino)

IV Tiġrija Klassi Gold. Dist – 2640m. 1. My Account (R. Gatt) Ħin – 3.21.5” (1.16.3”) 2. Hilda Nalan (C. Vassallo) 3. Navaj Brodda (Ch. Magro) 4. Enzo Nova (T. Demanuele)

V Tiġrija Klassi Silver. Dist – 2640m. 1. Staro Evergreen (M. Tanti) Ħin – 3.19.5” (1.15.6”) 2. Very Welcome (A. Bartolo) 3. Lajos Bellan (D. Baldacchino) 4. Simply The Best (R. Gatt)

VI Tiġrija Finali Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. And Here I Am (R. Gatt) Ħin – 2.41.3” (1.15.4”) 2. Nobile Edel (M. Fenech) 3. Ton Reve L’Eman (A. Cassar) 4. Veaulnes (N. Baldacchino)

VII Tiġrija Klassi Silver. Dist – 2640m. 1. Embrace’ EM (R. Gatt) Ħin – 3.28.4” (1.18.9”) 2. Caiprinha Royal (M. Debono) 3. Global Offspring (C. Camilleri) 4. Sabacan Savage (Sh. Portelli)

VIII Tiġrija Klassi Premier. Dist – 2640m. 1. Paparazzi (M. Bonnici) Ħin – 3.22.7” (1.16.8”) 2. Jaguar Broline (C. Camilleri) 3. Sugarboy Petoj (J. Briffa) 4. M.T. Gogogirl (N. Barbara)

IX Tiġrija Klassi Gold. Dist – 2640m. 1.  Ida Glitter (G. Attard) Ħin – 3.22” (1.16.5”) 2. Breidabliks G.T. (O. Cauchi) 3. U. Two Swing (R. Cassar) 4. Thai Cartier (M. Debono)