Juventus huma prattikament rebbieħa tas-Serie A għal sena oħra, wara li Napoli spiċċaw 2-2 f’darhom kontra Torino. B’dan ir-riżultat, id-distakk bejn Juventus u Napoli hu ta’ sitt punti, b’distakk kbir fid-differenza tal-gowls favur Juventus.
It-taqtigħa għal post fiċ-Champions League kompliet, b’Roma jagħmlu pass importanti b’rebħa kontra Cagliari filwaqt li Lazio spiċċaw draw biex issa jinsabu żewġ punti biss fuq Inter li rebħu kontra Udinese. Bit-telfiet li kellhom Cagliari u Udinese, issa jinsabu f’inwkiet serju għal min se jkun it-tielet u l-aħħar tim relegat.
CAGLIARI – Roma kisbu rebħa fondamentali f’konfront li ż-żewġ timijiet kellhom għanijiet differenti biex jiksbu l-punti. B’din ir-rebħa Roma saħħew it-tielet post filwaqt li Cagliari issa jinsabu fiż-żona l-ħamra. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat wara kwarta logħob permezz ta’ CENGIZ UNDER.
VERONA – Rebħa importanti ta’ 2-1 għal Chievo fuq Crotone. VALTER BIRSA fetaħ l-iskor fit-12-il minuta b’daqqa ta’ ras li qabżet bi ftit il-linja. MARIUSZ STEPINSKI għalaq il-logħba fit-82 minuta b’xutt bid-dawra għar-rokna li għeleb lil Cordaz. MARCO TUMMINELLO skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Crotone fl-aħħar sekondi tal-logħba.
GENOVA – Fiorentina baqgħu jittamaw għal post fl-Europa League b’rebħa ta’ 3-2 fuq Genoa. Il-Viola marru minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima b’gowl ta’ MARCO BENASSI mill-viċin. Genoa dawru l-iskor f’nofs it-tieni taqsima b’żewġ gowls fi ftit minuti. L-ewwel kien GIUSEPPE ROSSI li rritorna għal gowl b’xutt minn qagħda ideali, biex GIANLUCA LAPADULA għamilhom 2-1 ftit wara ftit sekondi wara li kien għadu daħal. VALENTIN EYSSERIC ġab id-draw fit-78 minuta wara li ħa vantaġġ minn żball ta’ Perin, biex żewġ minuti wara BRYAN DABO skorja l-gowl tar-rebħa b’xutt mill-kaxxa.
RUMA – Lazio tilfu żewġ punti importanti fit-taqtigħa għal post fiċ-Champions League, bi draw ta’ 1-1 kontra Atalanta. Kienu l-Bergamasci li fetħu l-iskor wara żewġ minuti meta MUSA BARROW żmarka ruħu u b’xutt fil-baxx għeleb lil Strakosha. Reazzjoni ta’ Lazio li fl-24 minuta ġabu d-draw bi kross ta’ Luis Alberto lejn FELIPE CAICEDO li mill-viċin ma żbaljax.
NAPLI – Napoli prattikament tilfu kull ċans li jirbħu l-kampjonat wara li spiċċaw 2-2 kontra Torino f’darhom. B’hekk mill-aħħar żewġ logħbiet wara li għelbu lil Juventus kisbu biss punt. Napoli marru minn fuq fil-25 minuta b’gowl ta’ DRIES MERTENS li ħa vantaġġ minn żball ta’ Nicolas Burdisso. Torino ġabu d-draw fil-55 minuta b’xutt ta’ DANIELE BASELLI li għeleb lil Reina. Iżda Napoli reġgħu marru minn fuq fil-71 minuta b’xutt sabiħ ta’ MAREK HAMSIK. Madankollu Torino ġabu fit-83 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ LORENZO DE SILVESTRI.
SASSUOLO – Sampdoria tilfu tliet punti importanti wara li sfaw megħluba minn Sassuolo 1-0 fil-Mapei Stadium. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fit-68 minuta meta MATTEO POLITANO għeleb lil Emiliano Viviano b’xutt fuq l-ewwel lasta.
FERRARA – Tliet punti importanti għal Spal li għelbu lil Benevento 2-0. Huma fetħu l-iskor fil-25 minuta b’ALBERTO PALOSCHI jiskorja mir-rebound wara li xutt ta’ Antenucci stampa mal-mimduda. Spal għalqu l-logħba fit-83 minuta permezz ta’ penalty ta’ MIRKO ANTENUCCI.
UDINE – Inter irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Udinese 4-0. Inter fetħu l-iskor wara 12-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ ANDREA RANNOCHIA. Huma rduppjaw fit-43 minuta permezz ta’ RAFINHA biex żewġ minuti wara, MAURO ICARDI għamilhom tlieta b’xutt fuq l-ewwel lasta. BORJA VALERO ssiġilla r-rebħa bir-raba’ gowl fil-71 minuta.
//= $special ?>