Lokali

KUNSILL ĠENERALI: “Politika li qed titfassal b’viżjoni għall-futur”

Il-Kunsill Ġenerali indirizzat mill-Presidenti tal-fergħat kollha tal-PN

Fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali, il-President tal-Kunsill Kristy Debono fissret kif se jkun il-format tal-Kunsill Ġenerali, li hu l-ewwel wieħed ta’ din is-sena. Hi qalet li dan se jkun Kunsill Ġenerali mibdul, b’format ġdid li jsir minn isfel għal fuq – politika li qed titfassal b’viżjoni għal futur.

Jean Pierre Debono preżenta ukoll il-minuti tal-aħħar Kunsill Ġenerali, liema minuti ġew approvati.

Diskorsi tal-Kunsill Ġenerali

Andre` Grech, President tal-Forum tan-Negozji Żgħar, qal li l-bibien tal-PN jinsabu miftuħin għal kull min irid jara futur mill-isbaħ għal pajjiżna. “Irridu nkunu innovattivi u ninvestu f’uliedna, għall-ekonomija ta’ għada”, qal Grech.

Graham Bencini, President tal-Forum Professjonisti PN, tkellem dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta fuq livell internazzjonali wara sensiela ta’ stejjer koroh li kollha jippuntaw lejn Kastilja. Bencini qal li hu l-PN l-uniku partit li jista’ jerġa’ jpoġġina mal-aqwa fl-Ewropa.

Mario Rizzo Naudi, President tal-APAN, fid-diskors tiegħu ta rendikont tal-ħidma intensiva li qed twettaq din il-fergħa fost l-anzjani. Iżda lil hinn minn hekk, it-tabib Rizzo Naudi semma kif l-APAN se tkun qed tanalizza s-sitwazzjoni tal-pensjonijiet f’pajjiżna.

Richard Muscat, President tal-Kulleġġ tal-eks deputati Nazzjonalisti, iffoka fuq l-importanza ta’ lealta’ u għaqda fil-partit. Muscat hu wkoll President tal-Fondazzjoni Nerik u Fortunato Mizzi.

Ivan Castillo, President tal-SĦPN, qal illi jħossu kburi li f’dan il-Kunsill Ġenerali tkellem f’isem il-ħaddiema fi ħdan partit li qalbu mal-ħaddiema. “Irridu jobs tajbin u li jitħallsu tajjeb”, sostna Castillo.

Il-kordinatur politiku tal-PN Jean Pierre Debono saħaq illi fi ftit xhur it-tmexxija l-ġdida tal-partit diġa’ qed tagħti r-riżultati, inkluż b’tiġdid fil-Kumitati Sezzjonali. “Dan se jkun Kunsill Ġenerali li jagħti widen lill-attivisti fl-irħula, u anke lill-Għawdxin”, qal Debono.

Graziella Attard Previ, President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs, sostniet illi l-fergħa hi mimlija entużjażmu biex tissokta l-ħidma favur dawk li huma emerġinati u vulnerabbli fis-soċjeta’ – fuq quddiem nett il-foqra.

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut fakkar kif il-PN qed jiġġedded, jinfetaħ għan-nies u jsir aktar żagħżugħ. Tkellem ukoll dwar il-fergħa l-ġdida taż-żgħażagħ li ġiet imressqa f’dan il-Kunsill Ġenerali permezz ta’ mozzjoni. “Dawn huma ż-żgħażagħ li se jibnu Malta ġdida”, qal Sammut.

Minn naħa tiegħu l-President tal-Amministrattiv David Stellini qal li l-PN mhux biss Oppożizzjoni li tgħasses fuq il-Gvern, imma hu wkoll partit tan-nies u Gvern alternattiv li jħares lejn l-aspirazzjonijiet tan-nies. “Direzzjoni waħda wara Kap wieħed”, qal il-President tal-Amministrattiv.