Lokali

“Li kont għadni Deputat, kont nivvota kontra l-abbozz li jemenda l-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni”

“Kieku kont għadni Deputat, ċertament kont nivvota kontra l-abbozz li jemenda l-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.”

Iddikjara dan, l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista George Vella f’intervista mal-gazzetta The Malta Independent on Sunday. Hu qal li l-abbozz jitkellem dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, imma l-iffriżar tagħhom ċertament mhux fl-interess tal-embrijuni.

Fl-intervista, George Vella qal li kull tabib jagħmel wegħda solenni li jħares il-ħajja taħt kwalunkwe kondizzjoni u tenna li l-ħajja tibda mill-fertilizzazzjoni.

Hu kompla li l-adozzjoni tal-embrijuni hi skuża sabiex tagħmel tajjeb għall-ħafna embrijuni żejda li mhux se jintużaw. L-Alternattiva hi li dawn jintremew u li jintużaw għal riċerka.

George Vella tenna li hu kontra l-iffriżar tal-embrijuni għaliex l-embrijuni li ma jintużawx mill-ġenituri, dawn isiru propjeta’ tal-istat fejn l-Istat jiddeċiedi xi jsir minnhom u lil min jagħtihom. L-embrijun jispiċċa oġġett, qal l-eks Ministru Laburista.

Dwar is-surrogacy, George Vella qal li l-Gvern qed jidħol f’territorju diffiċli fejn irid idaħħal prattika li mhux permess fl-Ewropa kollha ħlief fir-Renju Unit. Qal li l-Gvern qed jipprova jpinġi stampa sabiħa billi jirreferi għas-surrogacy bħala altruwistika iżda ir-realta’ hi li s-surrogacy se tispiċċa kummerċjalizzata. Qed nikkunsidraw biss l-interessi ta’ min se jagħmel użu mis-surrogacy u mhux l-interessi tal-embrijun innifsu, qal George Vella.

Fl-aħħarnett, George Vella qal li jekk persuni single se jkunu jistgħu isiru ġenituri permezz ta’ donazzjoni ta’ gameti jew ta’ embrijuni, dan se joħloq iktar problemi soċjali. Hu sostna li dejjem hu fl-aħjar interess tat-tfal li jitrabbew minn żewġ ġenituri, kemm jekk ikunu koppja eterosesswali jew koppja tal-istess sess.