Manchester City kienu preżentati bit-trofew tal-Premier League, f’dak li hu t-tielet kampjonat mirbuħ fl-aħħar seba’ snin. It-tim ta’ Guardiola kien miżmum fi draw ta’ mingħajr gowls fl-Etihad Stadium kontra Huddersfield, biex telgħu b’94 punt.
Iċ-champions il-ġodda kienu konfermati rebbieħa tliet ġimgħat ilu wara li Man United tilfu kontra WBA. Lebsin fi flokkijiet bil-kliem ‘Champions 18’ fuq wara tal-flokkijiet, kienu Vincent Kompany u Yaya Toure li għollew it-tazza għal ferħ tal-partitarji preżenti.
Il-plejers komplew biċ-ċelebrazzjonijiet fil-pitch hekk kif sellmu l-partitarji b’dawra mal-pitch quddiem stadium ippakjat. Man City fadlilhom żewġ logħbiet x’jilagħbu, f’darhom l-Erbgħa li ġej kontra Brighton u l-Ħadd barra minn darhom kontra Southampton, b’ċans li jilħqu l-100 punt.
F’logħba oħra, Chelsea żammew it-tamiet tagħhom li jikkwalifikaw għaċ-Champions League staġun ieħor wara li għelbu lil Liverpool 1-0, f’konfront dirett fi Stamford Bridge.
B’dan ir-riżultat, Chelsea issa jinsabu żewġ punti taħt Tottenham u tlieta taħt Liverpool, bit-tim ta’ Klopp fadallu logħba biss kontra t-tnejn ta’ Chelsea u Tottenham. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fit-32 minuta meta minn kross mil-lemin, OLIVIER GIROUD għola tajjeb u bir-ras għeleb lil Karius.
//= $special ?>