Lokali

Muscat jgħid li qatt ma beża’ mill-bidla

... iżda qabel ir-Referendum għas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea kien jgħid li Malta hi makku li se tinbela' mill-baleni

Ħmistax-il sena minn meta l-poplu Malti u Għawdxi vvota f’Referendum biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea – b’Joseph Muscat imexxi l-propaganda kontra s-Sħubija minħabba l-biża’ li pajjiżna hu makku li jista’ jittiekel mill-baleni – l-istess Muscat issa qed jgħid li l-Partit Laburista qatt ma beżża’ lin-nies bil-bidliet.

Waqt attività politika fil-Każin Laburista f’Ħad-Dingli, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista bbaża d-diskors tiegħu fuq li m’għandniex ninkwetaw li pajjiżna qed jiffaċċja sfidi ta’ bidliet. Kien hawn fejn iddikjara li l-Partit li jmexxi hu qatt ma’ beżża’ lin-nies mill-bidliet bżonnjużi.

Dan minkejja li, bħala Konsulent ewlieni tal-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien Alfred Sant, Muscat kien minn ta’ quddiem bil-parir li Malta m’għandhiex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. U li kieku seħħ dan, pajjiżna ma kienx igawdi minn eluf ta’ miljuni ta’ ewro f’finanzi li qed jintużaw għall-ġid tal-poplu kollu.

Fl-attività politika, il-Prim Ministru nnota ż-żieda fl-emmissjonijiet fl-arja, meta fi statistika tal-Eurostat kien stabbilit li Malta kienet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kellu żidiet fl-emmissjonijiet. Dwar dan, Muscat qal li l-emmissjonijiet żdiedu għax hawn ħafna karozzi fit-toroq.

Madankollu, ma għamel l-ebda referenza dwar kif il-Gvern li jmexxi hu se jipprova jikkontrolla din is-sitwazzjoni. Fil-fatt, Muscat fl-ebda mument ma pprova jispjega kif il-Gvern Laburista se jipprova jtejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku ħalli anqas nies jużaw il-karozzi privati tagħhom.

Dan meta ħafna għadhom igergru mis-servizz tat-trasport pubbliku, minkejja li l-Gvern qed iħallas 30 miljun ewro fis-sena f’sussidji lill-kumpanija li l-Ministru tat-Trasport ta’ dak iż-żmien Joe Mizzi kien iltaqa’ magħha fi Spanja qabel ma ngħatat it-tender.

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-problema tal-kirjiet dejjem jogħlew u qal li dan ma kienx iseħħ fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti għax il-pajjiż kien miexi bil-mod. Madankollu, hu naqas milli jsemmi l-proġetti li saru, flimkien mal-pakketti finanzjarji li pajjiżna gawda u għadu jgawdi minnhom grazzi għal diversi Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, qabel Muscat, fl-attività politika tkellem ukoll id-Deputat Laburista u Konsulent tal-Prim Ministru f’Kastilja Glenn Bedingfield, li b’ton ta’ konfrontazzjoni għadda kummenti politiċi kontra l-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt, hu semma’ għal diversi drabi s-snin 80 meta pajjiżna kien għaddej minn kriżi politika, li saħansitra wasslet biex diversi persuni sfaw feruti u persuna oħra nqatlet politikament f’Każin tal-Partit Nazzjonalista.