Lokali

FILMAT: “Partit żagħżugħ u b’saħħtu għall-futur”

"L-aqwa żminijiet tagħna dejjem kienu meta fassalna għall-futur"

“Se nħarsu l-quddiem b’kuraġġ u ottimiżmu. Ħadd u xejn mhu se jaqtalna qalbna, u għalhekk se nkomplu niġġeddu biex insiru partit rebbieħ.”

Kien dan il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema ‘Nfasslu Futur Flimkien’.

Fid-diskors tiegħu, Clyde Puli fisser kif illum il-PN kiber għal 25,000 tesserat. U fuq dan it-tisħiħ, il-PN se jkompli jibni biex jisma lin-nies u jaħdem viċin in-nies. “Il-politika tagħna rridu nibnuha magħkom – irridu nkunu kollha flimkien; better together“, sostna s-Segretarju Ġenerali.

“Aħna mhux se nżebilħu l-valuri tagħna billi nbiegħu l-passaporti, jew narmu l-valur tal-ħajja”, sostna Clyde Puli.

Is-Segretarju Ġenerali fakkar kif bħalissa għaddej proċess biex l-AŻAD tanalizza s-soċjeta’ tagħna kif inhi illum, u minn din l-analiżi nfasslu politika għall-futur.

Qal ukoll illi fiż-żmien li ġej se tkun qed issir riforma kuraġġuża fil-media tal-PN biex il-messaġġ tal-PN jibda jilħaq aktar nies. Hawn, hu sellem lil Pierre Portelli li se jkun qed imexxi din ir-riforma.

Fid-diskors tiegħu hu għamel referenza għall-Uffiċċju tal-Kunsilli Lokali li reġa’ issaħħaħ, u t-twaqqif ta’ uffiċċju għall-Kumitati Sezzjonali. Hemm ukoll pjan li jiġi riformat l-Uffiċċju Kuntatt u l-Uffiċċju ELCOM.

Clyde Puli spjega li l-PN diġa’ ressaq l-ewwel 155 kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Hekk kif il-PN se jkun qed ifakkar il-140 sena mit-twaqqif tiegħu, Clyde Puli inkariga lill-eks Segretarju Ġenerali Louis Galea biex jibdew il-preparamenti għal dan l-anniversarju.