Lokali

Raġel arrest wara car chase – kellu l-vettura mimlija droga

Ġuvni residenti Bormla kien arrestat mill-Pulizija wara car chase li ntemmet fi Triq il-Gendus, f’Bormla stess fejn l-akkużat abbanduna l-vettura tiegħu.

Kien is-Sibt għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar li l-ġuvni qajjem suspett waqt ronda mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Iżda meta l-uffiċjali għamlulu sinjal biex jieqaf, dan baqa’ jsuq madwar diversi toroq f’Bormla.

Eventwalment dan abbanduna l-vettura u ħarab mill-post sakemm ġie arrestat iktar tard.

Tfittxija fil-vettura tiegħu wasslet għal sejba ta’ ammont konsiderevoli ta’ droga kannabis li tindika li ma kinitx għall-użu personali, kif ukoll diversi oġġetti oħra relatati mad-droga.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin, bil-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret inkjesta u qed tkun mgħejuna minn diversi esperti.