Wara d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom, Simon Giordimaina, Franklyn Borg u t-tim tagħhom ikkwalifikaw bit-tielet post fl-Ewwel Rawnd tal-Kampjonat Ewropew tal-FIM (Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċikliżmu). It-tim Malti kellhom diffikultà biex iwasslu l-mutur tagħhom fil-ħin tat-trakka ta’ Kunmadaras fl-Ungerija u spiċċaw biex tilfu ġurnata ta’ tiġrijiet.
It-tim rebaħ tliet tiġrijiet u laħaq is-semifinali b’ġirja mill-pits li kienet tajba ħafna, iżda l-mutur tilef il-pressa taż-żejt u permezz ta’ apparat elettroniku, il-magna ntfiet biex ma tisplodix minħabba nuqqas ta’ żejt.
Minkejja li l-magna kienet konservata, is-semifinali ntilfet. Wara l-ewwel ġirja, Simon Giordimain kellu jibdel il-magna minħabba li ġie żviluppata ħsara żgħira. Il-ħinijiet tal-erba’ tiġrijiet li għamel Franklyn Borg kienu ta’ 7.18 sekondi, 7.22 sekondi, 7.30 sekondi u 7.14 sekondi rispettivament.
It-tim Malti għad għandu r-rekord tat-trakka fl-Ungerija, b’ħin ta’ veloċi ta’ 7.04 sekondi u 206 mil fis-siegħa. Mutur ieħor li Simon Giordimaina jagħmel it-tuning, spiċċa t-tieni rawnd fit-tieni post u tejjeb il-ħin tiegħu.
L-impenn li jmiss għal Simon Giordimaina u Franklyn Borg hu l-Main Event f’Santa Pod fl-Ingilterra bejn il-25 u t-28 ta’ Mejju fejn hemm se jibda wkoll il-Kampjonat tal-Karozzi. Iċ-champion Ewropew tat-Top Fuel Drag Racing Duncan Micallef jidħol fl-azzjoni f’dawn il-ġranet.
//= $special ?>