Futbol Sport

Xewkija Tigers jirbħu t-Tazza GFA

Jegħlbu lil Għajnsielem fil-finali wara l-ħin barrani

Xewkija Tigers rebħu t-Tazza GFA wara li fil-finali għelbu lil Għajnsielem 2-1 wara l-ħin barrani. Huma fetħu tajjeb b’gowl ta’ Halleson Thiago Barbosa Honorato u kkontrollaw għal kumplament tal-ewwel taqsima.

Għajnsielem ingħataw penalty f’nofs it-tieni taqsima, bir-referee Mario Apap ikeċċi lil Joseph Azzopardi, b’Marco Antonio Morgon Filho jġib id-draw mill-11-il metru. Il-partita kompliet fil-ħi barrani, b’Għajnsielem ukoll jispiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li fil-95 minuta tkeċċa Joseph George Vella.

Il-logħba dehret riesqa li tkun deċiża bil-penalties, iżda fil-119-il minuta Halleson Thiago Barbosa Honorato ddeċieda l-konfront meta skorja mill-viċin.

Horace Laudi mill-BOV ta’ Għawdex u l-President tal-GFA Samuel Azzopardi preżentaw it-tazza lir-rebbieħa l-ġodda.