Sport Waterpolo

FILMAT: Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran jitkellem dwar il-ħolqien tal-ASA Development Fund

Il-klabbs kollha lokali tal-waterpolo se jkunu jistgħu jiftgħu l-applikazzjonijiet għal tliet skemi offruti mill-ASA bl-għan li jkomplu jitjiebu s-setturi tal-iżvilupp taż-żgħażagħ, tal-kowċis kif ukoll jitjieb it-tagħmir tekniku. Kull applikazzjoni se tkun tgħaddi quddiem Kumitat Eżekuttiv u l-kowċis nazzjonali fejn imbagħad tittieħed id-deċiżjoni.

Dan il-fond se jinkludi l-ispejjeż tal-vjaġġi u l-akkomodazzjoni ta’ kull kowċ barrani li l-Kumitat Eżekuttiv jista’ jaħtar biex jorganizza kamp ta’ taħriġ f’pajjiżna. L-ewwel skema tal-Youth Development hemm allokat €25,000, kif ukoll hemm €7,500 allokati għal Coach Development u Technical Equipment.

L-Uffiċjal Kap tal-BOV Anthony Scicluna qal li l-bank ried speċifikament li parti mill-finanzi tal-isponsor imorru apposta f’dawn id-direzzjonijiet. Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li għandhom wegħda li mis-sena d-dieħla l-waterpolo se jibda jkollu finanzjar dirett minħabba li sa issa ma jirċievu l-ebda finanzjament mill-Kumitat Olimpiku Malti, għal fatt li hu diffiċli ħafna biex il-waterpolo jikkwalifika għal-Logħob Olimpiku.

L-ewwel skema tal-Youth Development tħares lejn l-iżvilupp ta’ atleta promettenti bejn il-15 u l-20 sena, iżda s-sistema se tkun flessibbli għal plejers ta’ etajiet differenti jekk jikkwalifikaw. L-ammont għal kull applikant ma jistax jaqbeż l-€2,000 u l-perjodu minimu għal kamp ta’ taħriġ għandu jkun sitt xhur.

It-tieni skema tal-Coach Development se tkopri l-iżvilupp ta’ kowċis li jixtiequ jattendu korsijiet u seminars. L-ammont ta’ kull applikant ma jistax jaqbeż aktar minn €750.

It-tielet skema hi dwar l-apparat tekniku. Dan jista’ jintuża għal żvilupp ta’ atleti u/jew apparat li klabb jiġi bżonnu biex itejjeb l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-waterpolo fil-faċilitajiet tagħhom. L-ammont ta’ kull applikazzjoni ma jistax jaqbeż is-€750.