Il-Partit Nazzjonalista se jfassal pjan fit-tul maż-żgħażagħ għax jemmen li huma għandhom ikunu il-leħen tan-nies kollha.
Dan kien il-kliem ta’ Kristy Debono, il-President tal-Kunsill Ġenerali f’intervista dwar din il-ġimgħa importanti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fejn qalet li l-Partit mill-ġdid qed jisma’ lill-poplu u qed ifassal tassew il-politika għal pajjiżna.
“Qed ngħarblu u nisimgħu lin-nies, b’hekk il-Partit Nazzjonalista qed ikompli l-proċess ta’ tiġdid.”
Debono qaltilna li din hija ġimgħa impenjattiva ferm għall-Partit fejn mhux biss qed isiru laqgħat fid-Dar Ċentrali iżda ħejja laqgħat mxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollha.
Hija qaltilna li l-Partit Nazzjonalista kontinwament qed iħares li jiġġedded u dan se jagħmlu bl-involviment ta’ kulħadd fosthom iż-żgħażagħ. Kristy Debono qalet li l-element żagħżugħ huwa dak l-element li jżomm il-Partit Nazzjonalista ħaj. Partit li jibqa’ relevanti għal kull żmien. Irridu li ż-żgħażagħ ikunu parteċipi, iżda li minnhom joħorġu l-ideat. Għalhekk il-PN qed jagħti aktar libertà liż-żgħażagħ biex jaħdmu fil-Partit u jwasslu l-messaġġ tagħhom fil-politika Maltija.
Min-naħa tagħha Kristy Debono qalet li fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali għandha tiġi approvata mozzjoni preżentata mill-President tal-MŻPN Joseph Grech u s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli fejn permezz tagħha, il-PN qed jiftaħ il-binari mhux biss lejn iż-żgħażagħ, iżda anki lejn l-addoloxenti. Iż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-futur u għalhekk il-Partit lest u kapaċi jibni l-politika tiegħu madwar iż-żgħażagħ.
Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista se jibqa’ għaddej tul din il-ġimgħa u jiġu fi tmiemu l-Ħadd li ġej fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.
Il-programm ta’ din il-ġimgħa huwa dan:
• It-Tlieta filgħaxija fis-7p,m, fil-każin ta’ Birkirkara l-Kap tal-Partit Nazjzonalista Adrian Delia għal darb’oħra se jkun qed jirrispondi għall-mistoqsijiet u ideat tal-attivisti.
• L-Erbgħa, f’Jum l-Ewropa, il-Kunsill Ġenerali jagħti l-attenzjoni fuq is-suġġett tal-Unjoni Ewropea u s-suċċessi li kiseb pajjiżna kemm ilna membri sħaħ mill-2004, u l-ħidma tal-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti. Ukoll tingħata ħarsa lejn l-isfidi li trid taffaċċja l-Unjoni Ewropea. Din is-sessjoni se ssir fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija.
• Il-Ħamis, il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jmur Għawdex, fejn fil-Grand Hotel fl-Imġarr Għawdex, se jkun hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jirrispondi għall-mistoqsijiet tal-attivisti marbuta mat-tema ‘Għawdex u l-Għawdxin’. Din l-attivita’ tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija.
• Imbagħad il-Ġimgħa fis-sebgħa ta’ filgħaxija jkun imiss diskussjoni fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Malta, fejn għal darb’oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-attivisti fil-każin ta’ San Ġwann.
• Il-Kunsilli Lokali se jkunu l-punt tad-diskussjoni nhar is-Sibt 12 ta’ Mejju, mid-9.30 ta’ filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. F’għeluq il-25 sena minn meta ġew iffundati, il-Kunsilliera se jiddiskutu t-triq ‘il quddiem għal Kunsilli Lokali u kif verament jistgħu jħallu impatt fil-ħajja tar-residenti.
• Fl-aħħar ġurnata, il-Ħadd 13 ta’ Mejju fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, jintlaħaq il-qofol hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jagħmel diskors prinċipali għall-għeluq tal-Kunsill Ġenerali Annwali għas-sena 2018 bit-tema ‘Infasslu Futur Flimkien’.
//= $special ?>