Lokali

Ħames persuni involuti f’inċident tat-traffiku; tnejn minnhom isofru feriti gravi

Ritratt mill-Arkivji
Kienu t-tliet passiġġiera li kellhom bżonn l-assistenza medika, filwaqt li jidher li s-sewwieqa fortunatament ma sfawx imweġġa'

Ħames persuni kienu involuti f’inċident tat-traffiku bi tnejn minnhom isofru ġrieħi gravi, matul dan il-lejl f’Ħal Qormi

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin għaxra, fi Triq l-Istabel Ħal Qormi. Irriżulta li għal xi raġuni kienet seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Toyota Vitz, misjuqa minn raġel ta’ 54 sena residenti ż-Żurrieq, u karozza tat-tip Volkswagen Polo misjuqa minn raġel ta’ 20 sena li joqgħod Ħ’Attard. Ġol-Polo kien hemm ukoll tliet passiġġieri; raġel ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar, mara ta’ 18-il sena residenti San Pawil il-Baħar ukoll, u mara ta’ 20 sena residenti Tas-Sliema.

Il-passiġġieri sofrew xi ġrieħi u għaldaqstant kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ta’ 25 sena ġie ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, il-mara ta’ 18-il sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief, u l-mara ta’ 20 sena qed ssoffri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.