Kurżitajiet Lokali

“Il-finanzi għandhom jiġu gwidati minn valuri universali” – Lawrence Gonzi

Ix-xahar li ġej l-APAN se tintervista lill-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg

Din hi intervista ppubblikata f’In-Nazzjon, li saret mill-Viċi President tal-APAN Remigio Bartolo

Dr Lawrence Gonzi twieled u trabba fil-Belt Valletta. F’żgħożitu kien jattendi ċ-Circolo Gioventù Cattolica tal-Azzjoni Kattolika f’Palazzo Carafa, Triq l-Ifran.
Hemmhekk għamel ħbieb ma’ ħafna tfal oħra mill-Belt Valletta li kienu akkaniti fuq il-futbol u kien minħabba f’hekk li beda jilgħab il-football u kompla għal ħafna snin wara. Dawk kienu esperjenzi sbieħ li matulhom skopra valuri li swewlu matul ħajtu kollha, fosthom ir-rispett uman, id-dinjità tal-persuna, l-irġulija u l-onestà.

Kif kienet iż-żgħożija tiegħek, u fejn studjajt?
Żgħożiti kienet waħda mimlija daqs bajda bil-football, bl-attivitajiet fl-Azzjoni Kattolika, bl-istudji l-Junior College fil-Belt Valletta u wara l-Università meta bdejt il-kors tal-liġi. Kienu snin li matulhom sirt naf aktar lill-Arċisqof Mikiel Gonzi li kien iz-ziju ta’ missieri u li baqa’ jsegwi l-istudji tiegħi għax nissuspetta li xtaqni nsir qassis. Madankollu baqa’ jinteressa ruħu fija anke meta qbadt il-karriera professjonali tiegħi bħala avukat.

Meta bdejt tinvolvi ruħek fil-politika u meta kkontestajt l-ewwel l-elezzjoni? Għaliex mal-Partit Nazzjonalista?
Kont insegwi l-politika minn mindu kelli ħmistax-il-sena probabbli għaliex l-Avukat Manwel Bonnici (eks-Ministru tal-PN fil-gvern ta’ Borg Olivier) kien ħabib sew tal-familja sakemm miet. Imma sirt attiv mal-PN aktar tard meta kont iżżewwiġt u kelli tlett itfal żgħar u faqqgħet il-kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja. Dak kien żvilupp li ma ħallinix noqgħod gallarija u aċċettajt li nikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-1987.

Kif kienet l-esperjenza politika? X`kienu dawk is-setturi li kienu taħt il-portfolio tiegħek matul il-karriera politika?
Jiena kelli esperjenzi sbieħ u mifruxa fil-kamp politiku. Bejn l-1988 u l-1996 kont Speaker tal-Parlament. Bejn l-1996 u l-1998 kont deputat fl-Oppożizzjoni u Segretarju Ġenerali tal-PN. Imbaghad sirt Ministru għall-Politika Soċjali mill-1998 sakemm sirt Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi fl-2004.

Issa li rtirajt mix-xena politika, kif qiegħed tqatta’ l-ħin tiegħek?
Bħalissa ninsab impenjat ħafna f’numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej u spiss insiefer biex nattendi konferenzi u nagħmel diskorsi. Dan l-aħħar kont konferenza l-Messiku dwar l-ambjent u oħra fi New York dwar kif il-finanzi għandhom jiġu ggwidati minn valuri universali msejsa fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja.

Messaġġ qasir għall-qarrejja ta’ PAĠNAPAN
Nixtieq nibgħat l-isbaħ xewqat lill-qarrejja kollha tal-ġurnal filwaqt li nħeġġiġhom jibqgħu attivi u jikkontribwixxu kull fejn jistgħu għall-ġid ta’ pajjiżna.