Lokali Parlament

Il-gvern m’għandux mandat biex inaqqas il-protezzjoni għall-embrijun

– Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-gvern m’għandux mandat biex idaħħal dawn il-proposti dwar l-IVF, in-nuqqas ta’ protezzjoni tal-embrijun u s-surrogazzjoni.

Fil-parlament Toni Bezzina qal li l-PN dejjem ried jgħin lil min kien qed ibati u daħħal l-Att tal-2012 wara snin twal ta’ diskussjoni nazzjonali. Dan wassal biex il-liġi kienet approvata b’mod unanimu. Din kienet liġi li ħolqot bilanċ iżda għal dan il-gvern il-konsultazzjoni hi biss eżerċizzju ta’ konvenjenza.

Hu fakkar kif diversi esponenti Laburisti u l-President ta’ Malta lkoll qed jgħidu lill-Gvern biex iwaqqaf l-emendi u jagħmel konsultazzjoni serja u wiesa’. Dawn l-emendi ma kinux jiffurmaw parti mill-manifest elettorali Laburista u għalhekk il-Gvern m’għandux mandat li jwettaq dawn il-proposti. Il-Prim Ministru stess kien iddikjara li l-gvern mhux se jdaħħal emendi bħal dawn iżda fil-fatt issa qed idaħħal dawn l-emendi.

Toni Bezzina kompla li l-iffriżar tal-embrijuni jwaqqaf il-ħajja tal-istess embrijuni. Għalhekk hemm bżonn iktar diskussjoni dwar metodi oħra kif titnaqqas it-tbatija tal-mara. Is-soċjetà għandha tissaħħaħ, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-anonomità tista’ toħloq problemi kbar. Il-Gvern qed ineħħi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.

Hu appella lill-Gvern biex jisma lis-soċjetà u ma jippolarizzax suġġett daqshekk serju u jagħmel konsultazzjoni serja bi proposta pożittivi.