Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ltaqa’ mal-Għaqda Każini tal-Banda. Fil-kummenti tiegħu Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħares li jitkellem ma’ kulħadd u sostna li l-baned f’pajjiżna huma parti essenzjali mill-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jisma’ u jagħraf il-kontribut mużikali soċjali u kulturali li l-baned jagħtu, u dan fuq livell vokozzjonali u professjonali.
Adrian Delia qal li l-baned huma l-melodija tal-festi tagħna u jagħtu ċertu kulur lill-festi. Huwa sostna li l-ħidma tal-baned hija vokozzjonali tul is-sena kollha fejn fost l-oħrajn qal li s-servizz tal-banda mhux biss ikun fil-festa tar-raħal iżda tul is-sena kollha permezz tat-tagħlim.
Min-naħa tiegħu Noel Camilleri, il-President tal-għaqda qal li l-każini hemm bżonn li jissaħħu mingħajr ma nitilfu s-sens ta’ volontorjat. Huwa qal li l-għaqda llum il-ġurnata saret pro-attiva. Huwa faħħar l-iskema li kienet inħolqot taħt amministrazzjoni Nazzjonalista flimkien mal-aġenzija żgħażagħ. Camilleri qal li l-għaqda kompliet tkabbar fuq din l-iskema tant pożittiva.
Fost il-punti ta’ diskussjoni ntqal li qed jaffaċċjaw sfidi anki fuq il-propjetà li jaħdmu minnha, u fl-istess laqgħa intqal li madwar 20 każin tal-banda f’pajjiżna qed iħabbtu wiċċhom ma’ din il-problema.
Camilleri min-naħa tiegħu qal li sfortunatament f’aspett soċjali ma jarawx il-kontribut enormi li l-każini tal-banda jagħtu anki fil-formazzjoni tat-tfal tagħna.
Adrian Delia qal li l-PN huwa favur il-kultura u t-tradizzjoni Maltija inkluż il-formazzjoni tal-każini tal-baned u x-xogħol kollu li jwettqu fi ħdan il-komunità Maltija.
Preżenti kien hemm id-deputati Therese Comidini Cachia u Herman Schiavone, flimkien mal-preżentatur tal-programm Marċi u Bandalori, Joseph Chetcuti.
//= $special ?>