Il-Kumitat Olimpiku Malti, b’kollaborazzjoni mal-Olympic Solidarity, ħabbar li l-konferenza medika annwali tagħhom ser ssir it-Tnejn 4 u t-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2018.
Il-Konferenza ta’ din is-sena se tesplora s-suġġett attwali tas-saħħa mentali fl-isport, filwaqt li tfittex li tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali, jesplora r-riċerka kontemporanja f’dan il-qasam u strateġiji biex isostnu lill-atleti fit-taħriġ tagħhom.
Il-Kap tal-Kummissjoni Medika fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti, Dr Kirill Micallef Stafrace, ikkonferma li l-kelliema li se jieħdu sehem se jkunu taħlita ta’ esperti lokali u internazzjonali li se jinkludu lil Dr David Fletcher mill-Università ta’ Loughborough, Graziella Thake minn The Optimization Hub fl-Awstralja, Dr Nigel Camilleri u Dr Danica Bonello Spiteri mill-Università ta’ Malta u Dr Adele Muscat mill-Iskola Nazzjonali tal-Isport.
“Is-saħħa mentali fl-isport spiss jiġi injorat u ħafna jassumu li l-każijiet ta’ problemi fis-saħħa mentali fl-atleti huma rari, peress li l-atleti huma meqjusa bħala individwi fiżikament b’saħħithom u ma jbatux min dawn il-problemi. Il-konferenza għandha l-għan li tiddiskuti kwistjonijiet bħal dawn kif ukoll tneħħi l-istigma li tmur madwar mard mentali” irrimarka Micallef Stafrace. “Inħeġġu bis-sħiħ lil dawk kollha li huma nvoluti fl-isport, b’xi mod jew ieħor, biex jattendu din il-konferenza.”
Il-konferenza se ssir fil-Grand Hotel Excelsior u tibda fid-9.00am u għandha tintemm sal-4.30pm. Ir-reġistrazzjoni hi obbligatorja u tkun b’xejn sal-31 ta’ Mejju. Wara din id-data, l-attendenza għal ġurnata tiswa €25, filwaqt li biljett għal jumejn jiswa €35. Il-prezz jinkludi ikel u xorb.
Għal aktar informazzjoni dawk interessati jistgħu jżuru s-sit www.nocmalta.org jew jagħmlu kuntatt ma’ Dawn Aquilina permezz ta’ email fuq dawnaquilina@nocmalta.org jew fuq 21332801.
//= $special ?>