Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qed jappella biex ikompli t-twaqqigħ tal-eks lukanda Jerma, li llum-il ġurnata hi biss binja abbandunata.
Il-binja kienet diġa bdiet titwaqqa’ wara avviż ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar, iżda deċiżjoni tat-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar wasslet biex it-twaqqigħ twaqqaf.
Id-deċiżjoni li titwaqqaf l-eżekuzzjoni tal-avviż ta’ infurzar, li kien diġa’ beda, ittieħdet wara appell tas-sidien Jeffrey u Peter Montebello li rnexxielhom idawru favurihom ordni kontrihom li kienet ħarġet fl-2016.
Id-deċiżjoni tat-tribunal tfisser li għalissa l-binja se tibqa’ hemmhekk sakemm is-sidien jiddeċiedu mod ieħor mingħajr ma jaffaċċjaw multi jew riperkussjonijiet. Huma ilhom snin twal jippruvaw jiżviluppaw dan is-sit, bl-idea oriġinali kienet li tinbena lukanda u appartamenti lussużi.
Minkejja dan il-kwistjoni mhux mistennija tissolva malajr, anke għaliex is-sidien kienu warrbu dan il-proġett minħabba problemi finanzjarji u saħansitra l -HSBC fl-2016 kien talab fl-2016 biex is-sit jinbiegħ iżda mbagħad talab lill-Qorti biex tipposponi kollox.
Fi stqarrija l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala appella lill-awtoritajiet biex jirrispettaw lir-residenti li ilhom snin jitolbu biex din il-binja titwaqqa’. Dan hekk kif is-sit mhux biss sar perikoluż imma wkoll post fejn jintrema’ llegalment l-iskart kif ukoll fejn isiru l-abbużi.
Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ddikjara din il-kwistjoni bħala waħda urġenti.
Ftit jiem ilu l-Awtorità tal-Ippjanar ukoll iddikjarat li ma taqbilx mad-deċiżjoni tat-Tribunal u li kienet se tappella kemm f’dan il-każ kif ukoll fi tliet każi oħra li dwarhom ittieħdet deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar imma li t-Tribunal dawwar.
//= $special ?>