Lokali

Il-provi ta’ ħasil ta’ flus minn Mizzi u Schembri huma ċari ħafna

“Wara dak żvelat riċentament mid-Daphne Project, il-provi li jassoċċjaw lil Konrad Mizzi u Keith Schembri ma’ attività kriminali huma kbar ħafna.”

Waqt li kienu qed jitkellmu quddiem il-Qorti, d-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa spjegaw li Konrad Mizzi u Keith Schembri inqabdu fil-fatt jipjanaw kif idaħħlu $150,000 fix-xahar u l-provi kollha qegħdin hemm biex kulħadd jarahom.

Illum waranofsinhar, Busuttil u Casa xhedu taħt ġurament quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, b’rabta mar-rikors li tressaq fl-20 ta’ April 2018, li fih talbu inkjesta maġisterjali dwar ir-rivelazzjonijiet li saru mid-Daphne Project u r-rapport tal-FIAU li jinsab għand David Casa.

Simon Busuttil qal li Konrad Mizzi qiegħed jigdeb meta jgħid li ma jafx min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black, meta hu kien qed jipjanar li jdaħħal $150,000 minnha kull xahar. Hu ċar ukoll li Mizzi u Schembri kienu mdaħħlin f’din il-kumpanija flimkien.

David Casa spjega li dak żvelat mid-Daphne Project u r-rapport tal-FIAU li hu għandu, jindikaw lejn operazzjoni organizzata ta’ ħasil tal-flus. Minkejja dawn l-allegazzjonijiet serji li huma msaħħa b’diversi sorsi, Joseph Muscat għadu jiddefendi lil Mizzi u lil Schembri, minkejja l-ħsara li qed issir fuq livell internazzjonali. “Hu ċar li Muscat lest li jħassar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, għaliex hu kompliċi f’din l-iskema għall-aktar nies viċin tiegħu biex jiddaħħlu eluf ta’ dollari minn attivitajiet ta’ ħasil tal-flus.”

Il-pass li jmiss hu li l-Maġistrat Depasquale jiddetermina jekk m’hemmx bażi biex tinfetaħ investigazzjoni kriminali.