L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fetħet investigazzjoni dwar dik li qed tissejjaħ bħala figura familjari fi ħdanha li allegatament kienet qed tavża lill-impjegati tal-Electrogas meta jkunu se jsiru spezzjonijiet dwar is-sigurtà.
Dawn l-ispezzjonijiet suppost isiru għall-għarrieda.
Il-każ imur lura għaż-żmien meta kienet qed tinbena l-power station il-ġdida, b’rapport tal-OHSA li f’dak il-perjodu kien sab nuqqasijiet relatati mas-sigurtà waqt il-proċess tal-kostruzzjoni tas-sit.
L-Awtorità kienet wissiet li jekk dawn in-nuqqasijiet ma jitranġawx, allura ma jkolliex għażla ħlief li titwaqqaf il-kostruzzjoni sakemm is-sitwazzjoni ma titjiebx.
Fost il-problemi nnutati kien hemm in-nuqqas ta’ uffiċjal li jagħmel superviżjoni tal-proġett, minkejja li dan għandu jkun hemm bil-liġi, kif ukoll li xogħol ta’ tħaffir li kien qed isir ipoġġi f’riskju lill-ħaddiema.
F’korrispondenza elettronika żvelata lil The Times of Malta, id-Direttur Kummerċjali tal-Electrogas, Catherine Halpin, tiġi notifikata li ministru tal-Gvern tkellem mal-OHSA biex jikkalma s-sitwazzjoni.
Halpin saħansitra rċeviet dettalji ta’ persuna fi ħdan l-OHSA li fil-korrispondenza jingħad li kellha tagħmel żjara mhux uffiċjali fis-sit tal-Electrogas.
“Żjarat tas-sit qabel l-ispezzjoni uffiċjali mill-OHSA tkun utli u din hi persuna li tajjeb tkun taf,” jingħad fil-korrispondenza. F’korrispondenza li ssegwi, Halpin tistaqsi jekk hemmx xi spezzjoni ppjanata u li se tagħmel kuntatt mal-uffiċjal indikat lilha.
Dan kien suġġerit lil Halpin, meta f’korrispondenza jintqalilha li grazzi għal dan l-uffiċjal, l-Electrogas tkun taf meta se ssir l-ispezzjoni u jiltaqa’ magħha minn qabel b’mod mhux uffiċjali.
L-investigazzjoni dwar dan il-każ qed titmexxa’ minn eks membru tal-ġudikatura.
//= $special ?>