Internazzjonali

Jibda r-raba’ mandat ta’ Putin

Il-President Vladimir Putin

Illum it-Tnejn, Vladimir Putin se jibda r-raba’ mandat tiegħu wara li kien rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali Russa.

Din id-darba, iżda, mingħajr bidla Kostituzzjonali, Putin mhux se jkun jista’ jagħmel il-ħames mandat tiegħu. Dan peress li l-liġi Russa tipprojbixxi li wieħed iservi aktar minn żewġ mandati konsekuttivi.
Putin, li meta jintemm il-mandat tiegħu fl-2024 se jkollu 72 sena, jista’ jiddeċiedi li jitlaq mill-Kremlin wara 24 sena fil-poter – bejn President u Prim Ministru – u jwitti t-triq għal suċċessur.
Bħalissa x-xena politika Russa hi dominata minn tilwim intern bejn gruppi avversarji u b’indħil minn uffiċjali mis-servizzi tas-sigurtà.

Min-naħa l-oħra Putin assigura li ħadd ma jkun jista’ jikkompeti miegħu u fil-pajjiż m’hemm ebda politiku popolari biżżejjed li jkun jista’ joffri sfida u jilħaq minfloku. Hemm min mhux qed jeskludi li Putin jibqa’ fil-poter u jibqa’ fil-poter taħt rwol differenti.

Xi ħaġa li kien diġà għamel fl-2008 meta kien ressaq lil Dmitry Medvedev bħala President minfloku u hu kien mar bħala Prim Ministru. Dan biex imbagħad fl-2012 jirritorna fil-Kremlin għal darb’oħra bħala President u b’hekk kien sab tarf il-liġi Russa li tipprojbixxi aktar minn żewġ mandati konsekuttivi.
Fi tmiem il-ġimgħa kien hemm protesti kbar kontra l-bidu tal-mandat ġdid ta’ Putin u mijiet kbar kienu arrestati.

Fost dawk li kien hemm arrestati kien hemm Alexei Navalny, l-aktar avversarju prominenti ta’ Putin. Hu kien arrestat fi Pjazza Pushkin f’Moska fejn eluf kienu inġabru għal protesta mhux awtorizzata.
Navalny imexxi l-Oppożizzjoni ewlenija kontra Putin u għalkemm mhux meqjus bħala sfida kredibbli għal Putin, hu jgawdi minn appoġġ imdaqqas madwar il-pajjiż. Min-naħa l-oħra hu kważi injorat għalkollox mix-xandir tal-Istat.

Putin kien konfermat f’elezzjoni li saret f’Marzu fejn kien rebaħ 77 fil-mija tal-vot. Navalny kien qed jittama li jisfidah imma kien projbit peress li kellu kundanna mill-qorti. Każ li l-partitarji jemmnu li kien tfassal proprju b’dan it-tir.